Internazzjonali

L-Iżvezja: Imut wara splużjoni qrib subway ta’ Stokkolma

 

Raġel tilef ħajtu fi splużjoni li seħħet dalgħodu barra l-istazzjon tas-subway ta’ Varby Gard, fis-sobborg ta’ Huddinge, fin-nofsinar tal-kapitali Stokkolma.

Ir-rapporti qalu li l-isplużjoni seħħet dritt wara li l-vittma kien ġabar oġġett misterjuż mill-art, bir-raġel imut aktar tard l-isptar mill-ġrieħi li ġarrab.

L-istess splużjoni ħalliet ukoll mara midruba iżda din qed tbati minn ġrieħi ħfief u ma tinsabx f’periklu li titlef ħajjitha.

Intant, il-pulizija qattgħu il-jum jinvestigaw dan l-inċident li seta kellu riperkussjonijiet bil-wisq aktar serji.

Il-gazzetta Aftonbladet irrappurtat li l-isplużjoni ‘kienet ta’ ħand grenade’, iżda l-pulizija ma kkonfermatx li dan kien minnu, filwaqt li rrifjutat li tikkummenta dwar is-sitwazzjoni.

L-istazzjon tas-subway u l-pjazza fl-istess zona ngħalqu għall-pubbliku waqt li l-pulizija u l-membri tal-bomb squads mexxew inkjesta fit-tul, fl-inħawi.

Aktar tard, il-Pulizija sostniet li ma kellhiex għalfejn temmen li l-attakk kien marbut mat-terroriżmu organizzat.