Lokali

L-omm b’ringrazzjament emozzjonali wara li binha ġie salvat milli jifga

"Grazzi lil kulħadd mill-qalb. Illejla nistgħu nerġgħu norqdu taħt l-istess saqaf flimkien"

“Ġesù, żomm idek fuq il-ħaddiema kollha u tihom l-għerf u s-saħħa kif jaħdmu biex bħal ma għenu lil ibni, jkunu jistgħu jgħinu lil ħaddieħor”.

Hekk kitbet omm it-tifel li jumejn ilu kien salvat milli jifga, f’post anonima fuq Facebook fil-grupp ‘Omijiet Ngħinu lil Xulxin’, u li fih qalet li minn għada, it-tifel se jirritorna lura għall-iskola.

Il-ġimgħa, żewġ professjonisti mediċi mill-klinika ta’ Raħal Ġdid irnexxielhom isalvaw lil tifel ta’ għaxar snin li kien qed jifga. Fuq Facebook, l-omm qalet li qed iżżomm il-kumment tagħha anonimu biex it-tifel ma jsibx problemi ta’ bullying ladarba jirritorna l-iskola minn għada.

“Nixtieq nirringrazzja lil oħti u lill-ġar tiegħi li taw l-għajnuna tagħhom mal-ewwel, kif ukoll lil tal-ambulanzi u n-nurses li ġew mal-ambulanza, li eżatt kif ċempilt bagħtuhom mal-ewwel id-dar”, kitbet l-omm.

“Il-fatt li telqu minn Raħal Ġdid u mhux minn Mater Dei, waslu malajr ħafna u fil-ħin u laħqu lil ibni ħaj avolja kellu l-ossiġnu baxx ħafna”, żiedet l-omm waqt li kompliet tirringrazzja wkoll lill-istaff kollu ta’ Mater Dei fosthom it-tobba tal-emerġenza u tad-dipartiment tal-ENT.

Fil-post tagħha, l-omm għamlet appell biex bħal ma hemm ambulanza Raħal Ġdid, ikun hemm iktar ambulanzi mqassmin ma’ Malta ħalli jekk jiġri xi ħaġa ta’ emerġenza, jaslu malajr “bħal ma waslu fil-każ tiegħi”, qalet l-omm.

“Grazzi lil kulħadd mill-qalb – mingħandi u mingħand it-tifel, li llejla nistgħu nerġgħu norqdu d-dar taħt l-istess saqaf flimkien”, temmet tgħid l-omm.

Eroj: Żewġ infermiera u staff mediku tal-Emerġenza jsalvaw tifel ta’ 10 snin li kien qed jifga