Matthew Asciak hu r-rebbieħ tal-Kampjonat BOV Masters tat-Tennis fejn din ir-rebħa hija l-ħames waħda konsekuttiva għalih. Il-kampjonat BOV Masters tat-Tennis kien l-ewwel kampjonat tat-tennis għall-2018 li kellu l-pateċipazzjoni tal-aqwa tmien tennisti tal-2017 tal-Malta Tennis Federation u ntlagħab fil-Marsa Sports Club.
Fl-istil dominanti li soltu naraw mingħandu, Asciak għeleb lil Omar Sudzuka 6-1 6-2 fil-finali biex jirbaħ il-kampjonat mingħajr ma waqqa’ sett u kkonferma lilu nnifsu bħala l-aqwa plejer tat-tennis ta’ Malta. Stefan Abela mid-Dipartiment tal-Marketing tal-Bank of Valletta u David Farrugia Sacco, President tal-Malta Tennis Federation ppreżentaw it-trofew tal-kampjonat lil Asciak.
“Filwaqt li l-Bank of Valletta huwa sinonimu mal-isport lokali, Matthew Asciak sar sinonimu ma’ dan il-kampjonat, fejn rebaħ kull edizzjoni li pparteċipa fiha mill-2010 meta ġie mniedi dan il-kampjonat” qal Abela filwaqt li feraħ lil Asciak. “Is-sħubija tal-Bank mal-Malta Tennis Federation tixhed l-impenn tal-BOV lejn il-komunità li fiha jopera.”
“Il-BOV Masters huwa l-aħħar kampjonat ewlieni qabel l-impenji ta’ Malta fit-Tazza Davis fil-Montenegro” qal Farrugia Sacco filwaqt li rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ kontinwu tiegħu. “Bħalissa it-tennis Malti qed jara ħafna plejers żgħażagħ promettenti ħafna u dan qed jipproduċi riżultati pożittivi, speċjalment fix-xena internazzjonali”
//= $special ?>