Lokali Saħħa

Minħabba kriżi fl-isptar Mater Dei, jitħassru operazzjonijiet mhux kritiċi

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Fi stqarrija l-amminstrazzjoni tal-Isptar Mater Dei qalet li minħabba l-influwenza qalila, f’dawn l-aħħar 48 siegħa l-isptar affaċċja sfidi konsiderevoli kkawżati minn numri kbar ta’ pazjenti li talbu l-assistenza u kellhom jinżammu.

L-isptar ħa diversi passi f’dan ir-rigward, fosthom: numru ta’ żoni li normalment jintużaw għal pazjenti day cases ġew mibdula temporanjamenti għal pazjenti li jqattgħu l-iljieli, u numru ta’ interventi mhux kritiċi se jiġu posposti għal data oħra fil-futur qarib. Interventi relatati ma’ kanċer jew oħrajn fejn intervent fil-ħin huwa kritiku għas-saħħa tal-pazjent se jkomplu għaddejjin normali.

L-amministrazzjoni tal-isptar tixtieq tiskuża ruħha għall-inkonvenjent li dawn il-miżuri jistgħu jħallu fuq pazjenti milquta. L-istqarrija tgħid li dawn il-miżuri se jgħinu lill-isptar jaffaċċja l-isfidi li din ix-xitwa, speċjalment quddiem l-influwenza prevalenti. L-isptar Mater Dei qal li jieħu l-opportunita biex jappella lill-pubbliku biex juża s-servizzi ta’ emerġenza b’mod responsabbli għal benefiċċju ta’ pazjenti li verament jkollhom bżonn.

L-isptar rringrazzja lill-haddiema u l-istakeholders kollha involuti.