Lokali

Pulizija jirnexxielu jsalva anzjan minn aggressur b’sikkina minkejja li ma kienx xogħol

Fiċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent tal-Korp tal-Pulizija ngħataw diversi ċertifikati ta’ mertu

F’ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, ingħataw diversi ċertifikati ta’ mertu u rikonoxximent lil numru ta’ Pulizija li ddistingwew ruħhom fis-sena 2017. Fost dawn l-unuri, ingħata premju lill-Kuntistabbli Saviour Chircop għall-episodju partikolari meta salva lill-persuna anzjana minn aggressur b’sikkina.

Il-Kuntistabbli spjega kif waqt li kien qiegħed mal-familja tiegħu l-Imsida, ra raġel armat b’sikkina jagreddixxi lill-anzjan. Dak il-ħin talab lill-martu tieħu ħsieb lit-tfal, sakemm imur jgħin lil dak l-anzjan – u f’dak il-ħin il-Kuntistabbli Saviour Chircop irnexxielu jneħħi l-arma li kellu fuqu l-aggressur u jarrestah sakemm jaslu membri oħra tal-Korp tal-Pulizjia biex jieħduh lejn il-lock up fil-Floriana. Saviour Chircop sostna ma’ In-Nazzjon li hu ta’ pjaċir għalih li ġie rikonoxxut għal dan l-arrest li għamel waqt li kien qiegħed mal-familja fl-Imsida.

F’din l-istess ċerimonja annwali ta’ rikonoxximent tal-Pulizjia – ingħata trofew ukoll lill-aktar distrett tal-Pulizija li rnexxielu jnaqqas il-kriminalita’ għas-sena 2017, fejn din is-sena rebaħa d-Distrett ta’ San Ġiljan hekk kif irnexxielu jnaqqas il-kriminalita’ b’marġini sostanzjali.

Id-Distrett ta’ San Ġiljan jirċievi t-trofew

Ukoll, ingħataw ċertifikati lill-membri tal-Pulizija li ddistingwew ruħhom b’xi mod – episodji fejn salvaw il-ħajjet tan-nies, jew ma ħallewx azzjoni kriminali sseħħ minkejja li ma kienux qegħdin waqt il-ħin tax-xogħol. Aktar tard, ingħata rikonoxximent lil 73 membru tal-Korp tal-Pulizija li waqqfu mis-servizz wara 25 sena jservu.

Fl-istess ċerimonja, indirizzaw lill-folla preżenti l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fejn tennew li s-sena 2017 kienet sena ta’ suċċess għall-Korp tal-Pulizija.

Ritratti: Matthew Tabone