Futbol Sport

Stoke jkeċċu lil Mark Hughes

Stoke City keċċew lill-manager Mark Hughes wara l-eliminazzjoni fit-tielet rawnd tal-FA Cup kontra t-tim tal-League 2 Coventry City ilbieraħ. It-telfa ta’ 2-1 waslet wara sensiela ta’ riżultati negattivi li fiha Stoke rebħu biss żewġ logħbiet mill-aħħar tnax.

Fi stqarrija fuq twitter, Stoke kkonfermaw l-aħbar li l-kuntratt ta’ Hughes ġie tterminat b’effett immedjat. Huma rringrazzjawh ta’ dak li kiseb mal-klabb fl-aħħar erba’ snin u nofs, fosthom id-disa’ post fil-Premier League għal tliet staġuni konsekuttivi. Huma awgurawlu għall-futur u qalu li se jippruvaw jaħtru manager kemm jista’ jkun malajr.

Din l-aħbar ma kinitx sorpriża hekk kif rapporti fil-media Ingliża l-Erbgħa li għadda, qalu li l-bord ta’ Stoke kienu qed jikkunsidraw il-futur ta’ Hughes, bit-tim jinsab fit-18-il post fil-Premier League. Il-manager minn Wales irċieva kritika kbira wara li serraħ diversi plejers fit-telfa kbira ta’ 5-0 li Stoke sofrew kontra Chelsea, qabel konfront importanti kontra Newcastle, li inċidentalment tilfu wkoll, b’diversi partitarji jkantaw biex Hughes jitkeċċa.

Wara dik il-partita, Hughes kien irrabjat anki fil-konferenza stampa ta’ wara l-logħba fejn meta kien mistoqsi dwar il-pożizzjoni tiegħu, u wieġeb min se jsaqsih aktar.

Hughes kien ħa t-tmexxija tat-tim f’Mejju tal-2013 meta kien ħa post Tony Pulis. Stoke jerġgħu jkunu fl-azzjoni t-Tnejn 15 ta’ Jannar meta jilagħbu f’Old Trafford kontra Manchester United.