Lokali

It-Taljan akkużat b’attentat ta’ qtil jinżamm arrestat

Damiano Torrisi, li kien imfittex b’konnessjoni mal-isparatura li seħħet fit-12 ta’ Diċembru li għadda fi Triq Burmarrad, in-Naxxar, inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel, li għandu 39 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke wara li s-Sibt instab mill-Pulizija f’raid li għamlu f’post li kien qed jintuża bħala residenza fil-Mellieħa. Ir-raġel kien qed jistaħba fi ġnien meta nstab mill-Pulizija.

It-Taljan kien qed jiġi mfittex b’konnesjoni mal-isparatura ta’ Diċembru li għadda f’każ li kien seħħ għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl. Il-vittma, raġel minn Raħal Ġdid, kellu jittieħed l-isptar Mater Dei u l-argument li beda allegatament minħabba xi flus.

Filfatt, fil-Qorti, Torrisi kien akkużat bl-attentat ta’ qtil kemm ta’ Ivan Galea kif ukoll ta’ Ronald Mallia. Hu kien akkużat ukoll li weġġa’ gravi lil Galea, li seraq karozza u li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar b’mod illegali.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Elton Taliana, qalet li milli jidher, Torrisi kien qed jippjana li jaħrab minn Malta u dan minħabba li nstabu bagalji bil-ħwejjeġ.

Mgħejjun mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Cutajar, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest – u għaldaqstant il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza.