Lokali

FILMAT: L-Oppożizzjoni titlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-bejgħ tal-isptarijiet lokali

L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali biex b’mod immedjat jinvestiga t-trasferiment prospettiv tal-isptarijiet lokali mingħand Vitals Global Healthcare għal għand Steward Health Care.

L-Awditur Ġenerali fil-preżent diġa għaddej b’investigazzjoni oħra, din id-darba dwar it-trasferiment oriġinali tal-isptarijiet mingħand il-Gvern Malti għal għand Vitals Global Healthcare, liema trasferiment suppost kellu jkun għal 30 sena iżda lanqas dam 30 xahar.

F’konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kienu preżenti David Agius, Beppe Fenech Adami, Stephen Spiteri, Claudio Grech, Kristy Debono u Robert Cutajar, intqal li possibbilment Vitals kisru diversi kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Dan ifisser li l-Gvern aktarx seta’ jwaqqa’ l-ftehim u jkun hu li jgħaddi l-isptarijiet lokali lil kumpanija oħra. B’hekk ikun qed jieħu wkoll il-kummissjonijiet li ħħadet Vitals minn dan it-trasferiment, bil-flus jintużaw fil-qasam tas-saħħa lokali minflok jgħaddu għand il-privat.