Lokali

IL-ĠLIEDA KBIRA FIL-ĦAMRUN: Tfajla li qed tistenna tarbija se titressaq il-Qorti

Tfajla li qed tistenna tarbija fil-ħin li ġej mistennija titressaq il-Qorti b’rabta mal-ġlieda kbira li saret ilbieraħ fil-Ħamrun.

It-tfajla, li għandha 19-il sena u hija mill-Birgu, kienet fost it-tliet nisa u tifel ta’ 8 snin li ġarrbu ġrieħi ħfief waqt il-ġlieda bejn żewġ familji fi Triq Joseph Abela Scolaro.

Il-ġlieda bdiet il-Ħadd għall-ħabta tas-6.30pm ħdejn l-iskola ta’ Maria Assunta l-Ħamrun u fiha kien hemm involuti 10 persuni.

Il-ġlieda bejn iż-żewġ familji eskalat tant li f’ħin minnhom karozza bdiet tinstaq fuq karozza oħra.

Fil-fatt fuq il-post tal-ġlieda instabet waħda mill-karozza li ntużat fil-ġlieda u l-ħsarat kienu estensivi. Aktar tard fl-akkwati tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa instabet karozza li jidher li kienet involuta f’dan il-każ.

Aktar minn 20 Pulizija mill-għassa tal-Ħamrun u mir-Rapid Intervention Unit kienu fuq il-post b’numru kbir ta’ vetturi tal-Pulizija jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Jirriżulta li waħda mill-familji kellha wieħed mill-membri tagħha maqtul is-sena li għaddiet.

FILMAT: Tarbija u tliet nisa jittieħdu l-isptar wara ġlieda kbira fil-Ħamrun