Iż-żmien li Malta kienet titmexxa mill-barrani, il-kisba tal-Indipendenza, il-Ħelsien u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-avvenimenti kollha se jkunu trattati fi produzzjoni ġdida tal-attur veteran Mario Micallef. Fil-fatt l-isem tal-produzzjoni huwa ‘il-Mixja ta’ Malta’.
F’dan il-monologu, Mario Micallef, se jirrakkonta l-ġrajja storika, imqanqla u mlewna ta’ Malta fil-mixja tagħha mill-ħakma tal-Ingliżi, għall-Indipendenza (1964), mill-Indipendenza għall-Ħelsien (1974) u mill-Ħelsien għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea (2003). L-iscript huwa mfassal u adattat minn Alfred Palma, li ibbaża dan il-monologu fuq tagħrif storiku tal-Prof. Henry Frendo.
Dan il-Monologu huwa mżejjen ukoll b’poeżiji mill-isbaħ tal-Prof. Oliver Friggieri, u se jkun jikkonsisti f’rakkont dettaljat, imżewwaq b’filmati u ritratti oriġinali, marbutin esklussivament mal-istess avvenimenti storiċi. Kant u muzika minn Vince Fabri u Diane Micallef.
Il-Produzzjoni ‘Il-Mixja ta’ Malta’ se jittella’ mill-kumpanija ‘Talenti’, fit-Teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, is-Sibt u l-Ħadd, 13 u 14 ta’ Jannar, fit-8.00 pm. Biljetti jistgħu jinkisbu mill-Box Office ta’ Spazju Kreattiv, jew www.kreattivita.org
//= $special ?>