Jidher li s-sistema tal-punti bdiet twassal biex jiġu rtirati l-liċenzji ta’ dawk li jilħqu it-12-il punt. Iżda hemm ukoll ħafna nies li mingħajr ma weħlu ċitazzjoni waħda mill-bidu ta’ din is-sistema, irċevew ittra jgħidulhom li ġiet revokata l-liċenzja tagħhom.
Persuna kitbet li minkejja li f’Diċembru ma rċeviet u ma ħallset l-ebda ċitazzjoni, din il-persuna rċeviet ittra mingħand Tranport Malta fejn ġiet infurmata li minħabba li laħqet it-12-il punt, il-liċenzja kienet ġiet revokata.
Din il-persuna kif indunat li dan kien żball, hi kitbet lil Transport Malta u bit-tweġiba tkun b’lista ta’ kontravenzjonijiet f’4 dati differenti. Kien hawn li waqt li din il-persuna għamlet rapport mal-Pulizija b’dak li kien ġara, hi kienet infurmata li Transport Malta ma jistax ikollhom żbalji għaliex jirċievu l-informazzjoni mingħand il-LESA, l-awtorita’ li tieħu ħsieb il-gwardjani lokali u ċ-ċitazzjonijiet. Madankollu meta l-persuna tkelmet ma’ din l-awtorita’ dwar dan l-iżball, il-persuna li tkellmet magħha qaltilha li “probabilment xi ħadd fi Transport Malta kien xorob ħafna fil-festi” għax huma m’għandhom l-ebda rekord ta’ kontravenzjonijiet fl-ahhar 4 snin.
L-istorja ta’ din il-persuna waslet biex diversi persuni kitbu li ġralhom l-istess ħaġa.
Is-sistema tal-penali tal-punti fuq il-liċenzja tas-sewqan bdiet f’Diċembru u kull min ikollu 12-il punt f’sena, tiġi revokata l-liċenzja tiegħu. Dawn jitwalu jekk jakkumula 12-il-punt ieħor f’sena. Kull sena, kwalunkwe punti li jingħataw lix-xufier, jitneħħew fit-12-il xahar wara.
Huma 29 il-kontravenzjonijiet li jġorru magħhom tnaqqis ta’ punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.
Fost dawk li se jiġu ppenalizzati hemm l-użu minn brejkijiet, tyres jew steering-wheel difettużi, jistgħu jitnaqqsulu żewġ punti. In-nuqqas ta’ ċinturin tas-sigurtà hemm ċans li teħel 3 punti. Min jibqa’ għaddej fuq it-traffic lights meta jkunu ħomor jew jibqa’ ħiereġ minn fuq stop, jitnaqqsulu bejn 3 u 5 punti.
Min jinqabad juża l-mowbajl jew jilbes l-earphones waqt is-sewqan jitnaqqsulu bejn 3 u 6 punti. Min juża vettura bla assikurazzjoni jitnaqqsulu sa massimu ta’ 8 punti.
Sewqan bi traskuraġni, jew taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew droga, jitnaqqsulu sa massimu ta’ 11-il punt. Meta b’sewqan traskurat jiġi kkawżat mewt jitnaqqsu sa 12-il punt f’daqqa.