Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li fi żmien Gvern Nazzjonalista kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, ikkonferma li ma kien hemm l-ebda pressjoni fil-każ tal-bejgħ tal-propjetà f’83 Triq Spinola f’San Ġiljan.
Quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliku lbieraħ xehedu Jason Azzopardi u Paul Mifsud, is-CEO tal-Awtorità tad-Djar, li qal li l-flus issa nġabru mill-bejgħ tal-propjetà bl-interessi kollha. L-aħħar pagementi kienu €210,000 flimkien ma’ €84,887 f’interessi. B’kollox tħallas madwar €609,000 għall-propjetà. L-ammont ta’ €35 hu riżultat ta’f tehm li hemm bejn il-Gvern u l-Kurja. Il-pagmenti waqgħu lura wara l-2013 għaliex qabel il-pagamenti kienu qed jitħallsu fil-ħin.
Hu qal li n-numru ta’ tgħawwiġ ta’ veritajiet, gideb, ħabi ta’ fatti fuq dak li sab l-NAO u insinwazzjonijiet u l-konġetturi li intqalu fuq dan il-każ, minn sezzjoni waħdanija ta’ media u politici, ta’ tfigħ ta’ tajn huma kbar wisq biex ma jkunux ikkoreġġuti.
Jason Azzopardi ngħata l-ħatra ta’ Segretarju Parlamentari f’Marzu 2008 u kien responsabbli fost oħrajn għall-artijiet, fil-Ministeru tal-Finanzi. Iktar tard, f’Jannar 2012 inħatar ministru b’diversi responsabilitajiet, inkluz l-artijiet.
Matul il-ħatra tiegħu, kien jirċievi medja ta’ 150 emails kuljum relatati max-xogħol tiegħu. L-emails li kien jirċievi jew jibgħat kienu kollha fuq l-uniku email li jien qatt kelli matul dawk il-ħames snin; dak tal-Gvern. Email privat la qatt kelli u lanqas kelli għalfejn ikolli, għax qatt ma kelli xejn x’naħbi jew x’nistħi minn xogħli u allura għalhekk hu minn ewl id-dinja li politiku juza’ l-email governattiv biex żgur ikun hemm traċċa ta’ għemilu. Min hu fdat bl-amministrazzjoni pubblika u juża’ email privat jagħmel dan biss għax għandu x’jaħbi u ma jridx li jkun hemm traċċi ta’ għemilu, kif hemm llum Ministri u ogħla li dan għadhom jagħmluh, sostna Jason Azzopardi.
Hu kompla li kien ikollu għexieren kbar ta’ laqgħat fil-ġimgħa fil-Ministeru u jiltaqa’ fil-kostitwenza ma’ medja ta’ 60 persuna fil-ġimgħa. Għal kull laqgħa li kellu, kienet ma’ min kienet, dejjem kellu miegħu, għax hekk ried sa mill-ewwel ġurnata, uffiċjali oħra tal-Ministeru jew tas-Segretarjat biex ikunu xhieda. Hu ovvju ħafna li hu perikoluż u mhux aċċettabbli li Ministru u l-Prim Ministru stess responsabbli mill-Artijiet, kif ġara wara Marzu 2013, jiltaqa’ waħdu ma’ individwi fuq xogħol relatat mal-Artijiet, sostna Jason Azzopardi.
Fuq dan il-każ, apparti l-minuti li jirrizultaw mill-file tal-GPD, jien qatt ma rċevejt emails jew ittri jew komunikazzjoni b’ebda mod bejn Marzu 2008 u Marzu 2013 matul l-inkarigu tiegħi. Mingħand ħadd. Dwar dan il-każ, jien qatt ma kelli ebda laqgħa, formali jew informali, ma’ ħadd hlief dik li l-Awditur Ġenerali jagħmel referenza għaliha fir-rapport tiegħu. Matul il-perjodu tiegħi kien hemm min ħa għalih ħafna, u ħassu offiż għax jien irrifjutajt li niltaqa’ miegħu meta kien hemm proċeduri legali pendenti jew viċin li jittieħdu u li kienu jinvolvu d-Dipartiment tal-Artijiet, qal Jason Azzopardi.
Hu kompla li sar ħafna diskors b’certu intenzjonijiet ħżiena minn uħud mill-Membri ta’ dan il-Kumitat fuq il-famuz ‘meeting’ li hu sejjaħt.
Ingħatat l-impressjoni bil-qerq li din kienet xi laqgħa imsejħa apposta għal dan il-kaz biss. Il-fatti huma li minn meta inħatar Segretarju Parlamentari f’Marzu 2008 sa Jannar 2013, meta bdiet il-kampanja elettorali, hu kien inżomm laqgħat fil-ġimgħa fil-Ministeru mal-uffiċjali għolja tal-Government Property Division.
Għal dawn il-laqgħat ġieli kien ikun hemm d-Direttur Ġenerali flimkien mad-Diretturi l-ohra kollha, ġieli kien ikun hemm ukoll il-Kap tas-Segretarjat tiegħi għall-follow ups li jkun hemm bżonn. u Meta inħtart Ministru f’Jannar 2012 u allura għall-ewwel darba kelli Segretarju Permanenti miegħi, kont nitolbu jattendi huwa wkoll jekk ikun hemm items li ser ikunu jinvolvuh. Sakemm sirt Ministru fl-2012, ma kienx ikun possibbli li s-Segretarju Permamenti tal-Ministeru tal-Finanzi, jattendi minħabba l-impenji tiegħu iżda kien attenda għal laqgħat li tgħoddhom fuq subgħajk ta’ id waħda fejn kien tassew essenzjali li jkun preżenti, qal Jason Azzopardi.
Il-laqgħa li għaliha saret referenza fir-Rapport u minn uħud mill-membri hawnhekk kienet waħda minn dawn il-laqgħat u l-item imsemmi kien wieħed biss minn ħafna items oħra, kif kien jiġri kważi f’kull laqgħa tal-ġimgħa.
L-ebda individwu li mhux uffiċjal pubbliku qatt ma kien preżenti għal xi waħda minn dawn il-laqgħat; ebda individwu, ebda avukat, ebda perit, ebda rapprezentant ta’ individwu. Dawn kienu jkunu laqgħat ta’ kull ġimgha fejn issues amministrattivi li jikkonċernaw il-Government Property Division kienu jiġu diskussi.
F’dik il-laqgħa msemmija u waħdanija tiegħi fuq dan is-suġġett mal-GPD jien kont infurmat għall-ewwel darba mill-uffiċjali tal-GPD bl-issue mertu ta’ dan il-każ. Dan kif jirriżulta wkoll mill-minuti li hemm fil-file tal-GPD u mill-emails li l-NAO seta’ jara għax peress li kont nuża’ l-email tal-Gvern, mhux xi email privat, hemm audit trail li ma tistax teżisti jekk politiku, sostna Jason Azzopardi.
Jien la f’dik il-laqgħa, u lanqas wara, ma kont infurmat li kien hemm kawżi fil-Qorti fuq din l-art, qal id-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-ewwel darba li sirt naf li kien hemm tali kawzi kien meta iltqajt mal-NAO biex jintervistawni wara li beda jaħdem fuq dan ir-Rapport. Kemm dan hu veru jirriżulta mir-rapport tal-NAO li jgħid li kien hemm żewġ files differenti fuq il-proprjetà ta’ 83, Spinola Road; wieħed tal-Joint Office u ieħor dwar il-kawżi fil-Qorti dwar il-foreshore li kien f’file tal-Lands Department. “with no reference to both issues made in any of the files”.
Fuq domanda tad-deputat Laburista Robert Abela fis-seduta tal-10 t’Ottubru li għadda, l-NAO għamilha ċara li mhux veru li kieku hu qara l-file kien ser jara dik is-sentenza għax “il-file tal-qorti u l-file ta’ 83, Spinola Road huma żewġ files separati, jigifieri meta xi ħadd jurik il-file biex jirreferilek il-problema taċ-ċens li skada u din il-problema kollha li qegħdin niddiskutu, m’intix se tkun taf li hemm kaz il-qorti dwar il-foreshore”.
Jekk issaqsini jekk kelliex inkun infurmat mill-GPD li kien hemm kawza fil-Qorti dwar din il-propjetà, inwieġeb: daż-żgur li iva, li kelli nkun infurmat, qal id-deputat Nazzjonalista.
Jekk issaqsini jekk kellhiex inkun infurmat mill-GPD li b’riżultat tal-Ftehim bejn il-Knisja u l-Istat Malti tal-1992 l-introjtu għall-Gvern mill-bejgħ ta’ din il-proprjetà kien se jkun €35 – issa rriżulta li kien iktar fil-fatt – bil-kumplament tal-prezz ta’ €525,000 imur għall-Fondazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, inwieġeb li kelli inkun infurmat.
Imma l-fatt hu li ma kontx! Minn meta ‘l hawn politiku jsir responsabbli u ħati u insulentat għal dak li ma kienx jaf għax ma qalulux?!, irrimakra Jason Azzopardi.
Dwar l-introjtu lill-Gvern ta’ €35, issa rriżulta mix-xhieda tas-CEO tal-Lands Authority li huma ħafna iktar, li daħal għand il-Gvern minn transaction ta’ €525,000.
Apparti li hu u kien diżonest min fl-aħħar ġimghat welled il-gidba u ta spin qarrieqi li l-prezz tal-art kien ta’ €35 biss, meta fil-fatt kien ta’ €525,000. Ministru li jimxi, kif imxejt jien, mal-Ftehim tal-Knisja u l-Istat Malti tal-1992 ikun qed jimxi mal-Liġi għax il-Ftehim hu liġi għalina.
Minn meta ‘l hawn Ministru jew politiku li jimxi mal-liġi, mhux li jikser il-liġi, imma li jimxi magħha, jiġi insultentat, denigrat, mgħajjar u mżeblaħ? Din x’razza ta’ politika hi? sostna Jason Azzopardi.
Minn meta ‘l hawn nikkritikaw Ministru, kif kont jien f’dan il-każ, li anke jekk tassew ma kellux l-informazzjoni kollha mogħtija lilu kif fil-fatt jgħid ir-Rapport tal-NAO. Lili u lill-Ministru Fenech misshom qalulna u infurmawna b’kollox bid-deċiżjoni li jkun approva, kif għamilt jien, jkun fil-fatt għen lit-tfal u studenti tagħna li jattendu l-iskejjel tal-Knisja, kif kont nattendi jien, għax il-flus mill-bejgħ ta’ din il-proprjetà marru ghall-Fondazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja skont il-Ligi?!
X’interess għandu u kellu min, inkluż Membri Parlamentari, meta jaf li l-flus mill-prezz tal-bejgħ (€525,000) marru ghall-iskejjel tal-Knisja, jaħbi dan il-fatt u jimplika u jinsinwa li l-flus marru fil-but ta’ xi ħadd privat u terz?
Hu staqsa lid-deputati kollha ta’ dan il-Kumitat jekk huma jew m’humiex kollha favur li l-Istat Malti jgħin lill-iskejjel tal-Knisja? Hemm xi ħadd minnhom li kieku jista’ din l-għajnuna ma’ tingħatax? Hemm xi ħadd minnhom li jisħet is-siegħa u l-mument li l-Gvern Malti jagħti flus għall-iskejjel tal-Knisja? Ħa nibdew ngħidu li l-flus li l-Gvern jagħti ghall-iskejjel tal-Knisja permezz tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u l-Gvern Malti għandhom jonqsu jew jieqfu?
Dikjarat dan, tlift il-kont ta’ drabi li fir-rapport tiegħu l-NAO jgħid li kien imħasseb ferm mhux biss għax il-Ministru tiegħi dak iż-żmien, il-Ministru Fenech, u jien, ma konniex infurmati bil-fatti kollha pertinenti li influwenzaw id-deċiżjoni meħuda għall-bejgħ, iżda li saħansitra l-Kummissarju tal-Artijiet lil NAO qalilhom li: “there existed no obligation to inform the Minister MFEI or the PS Revenues and Lands of the full details of the case” Kummissarju tal-Artijiet lanqas lit-Tender Committee tal-GPD ma kien tah l-informazzjoni shiha u kompluta, liema fatt inċida fuq x’gara wara. L-uffiċjali tal-GPD in kwistjoni ma kienux maħtura minni, ma kienux positions of trust, ma kienux maħtura minn ebda politiku, iżda kienu ilhom snin kbar uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, sostna Jason Azzopardi.
Hu sostna li dan hu l-ewwel u l-uniku rapport tal-NAO maħruġ mill-2013 ‘l hawn. L-Awditur Ġenerali qal li jien u l-Ministru Fenech, u t-Tender Committee u c-Chairperson tal-Arbitraġġ informali li tqabbad ġejt żgwidat peress li ma ingħatajtx l-informazzjoni kollha.
Min iħoss u jemmen li politiku li jkun ġie żgwidat bil-ħabi minn uħud fis-Servizz Pubbliku ta’ informazzjoni li kellha tingħatalu, għandu jġorr responsabbilità daqs u l-istess bħal dak il-politiku li jkun aġixxa konsapevolment, bi pjan, bi ħsieb, billi juża emails privati ħalli ma jinqabadx x’ikun kiteb jew billi jiltaqa’ u jinnegozja ftehim ta’ €4.2 miljuni mal-privat waħdu , jew billi jkun hemm “kolluzjoni” bejnu u l-privat ħalli l-privat jistgħana minn fuq dahar il-Gvern, jew billi jkun ordna lil ta’ taħtu biex jinxtara prodott minn Tizju flok minn Sempronju biex il-Gvern jispicca jitlef €14-il miljun; taħsbu tassew li l-każijiet huma l-istess?
Ir-Rapport tal-NAO u x-xhieda quddiem dan il-Kumitat juru li l-għeruq u r-raġuni tal-kumplessità ta’ dan il-każ huma żball f’kuntratt pubbliku li sar fl-1975, fejn minflok emfitewsi ta’ 99 sena li beda fl-1897, ikkwotaw ħażin emfitewsi ta’ 150 sena, żball li ġie ripetutut imbagħad f’kuntratti pubbliċi tal-1975, 1981, 1986, u 1998.
Juru li hu qatt ma qaleb deċiżjonijiet u lanqas minuti magħmula lili, iżda mxejt dejjem skont il-minuta li saritlu. Juru wkoll li kienet prassi għal dawn l-aħħar 35 sena żgur li l-Lands jirregolarizza żvilupp fuq proprjetà tiegħu permezz ta’ bejgħ tas-sit sakemm ikun hemm il-permessi tal-ippjanar.
Kemm jien u l-Ministru Fenech hekk konna ġejna infurmati dejjem mill-Lands u ninnota li hekk ikkonstata l-NAO fir-Rapport tiegħu mix-xhieda li huwa kellem. Hemm eżempju ta’ każ li f’San Pawl tat-Targa irriżulta, qabel l-2008, li
xi nies kienu bnew mhux skond il-linja tat-triq u ngħataw l-art b’bejgħ wara tender.
Ma tkeċċewx, ma kienx hemm twaqqigħ, iżda minħabba li kien hemm permessi tal-MEPA, ġiet regolarrizzata l-problema permezz ta’ offerta. Hemm każ ieħor f’Għajnsielem, viċin il-Belvedere, fejn intużat l-istess proċedura. Magħdud ma’ dan bejn l-2008 u l-2013, sakemm jien kont responsabbli ghall-artijiet, saru numru record ta’ azzjonijiet ta’ infurzar mill-Lands. Jirriżulta li l-medja tan-numru ta’ azzjonijiet ta’ infurzar mill-Lands illum li jsiru f’sitt xhur huwa daqs kemm kienu jsiru f’ġimgħa waħda bejn l-2008 u l-2013, sostna Jason Azzopardi.
Hu kompla li juru li kienet prassi, u żgur prassi sa minn meta twaqqaf id-Dipartiment tal-Artijiet fl-1965, li kulmeta jkun hemm dizgwid fuq valur ta’ art jew proprjetà bejn il-Lands u l-privat, dejjem tqabbad arbitragg informali fejn kull naħa tinnomina perit tagħha u ċ-Chairperson ikun nominat mill-Lands.
Fil-Malta Arbitration Centre ma daħal ebda kaz minħabba nuqqas ta’ qbil fuq stima ta’ proprjetà tal-Gvern. Jiġifieri mill-2013 ‘l hawn il-Lands qatt ma rrikorra għand il-MAC fuq stima ta’ proprjetà.
Fi kliem l-NAO: “il-fatt jibqa’ li qatt ma saret mistoqsija lill-Ministru jekk humiex se jmorru through the Malta Arbitration Centre jew inkella through informal arbitration”. Anzi, jagħmilha ċara li d-deċiżjoni li jmorru għal arbitragg informali ittieħdet mill-GPD Tender Committee.
Fil-minuta lili mill-Kummissarju tal-Artijiet fl-2010 fejn qed jintalab awtorizzazzjoni lill-Ministru Fenech biex isir arbitraġġ informali, u hija minuta dettaljata, ma hemm imkien referenza ghal dak li kien qal it-tender dwar il-Malta Arbitration Centre. Imkien. Altru li la jien u lanqas il-Ministru Fenech ma stajna qatt inkunu nafu x’hemm fit-tender conditions, sostna Jason Azzopardi.
Hu sostna li juru li jien dejjem imxejt l-istess, b’mod konsistenti mal-ufficjali tal-Lands, mingħajr ebda pressjoni biex ninfluwenza b’xi mod xi deċiżjoni.
Is-Segretarju Permanenti Paul Zahra xehed li matul dik is-sena li kien Segretarju Permanenti miegħi huwa qatt ma esperjenza xi pressjoni politika jew biex isir dak li mhux suppost.
Dik hija l-verità għax hekk dejjem imxejt fil-ħames snin fl-Eżekuttiv: fejn għandi nagħti ordni, nagħtiha bil-miktub u nħalli spazju u nirrispetta d-diskrezzjoni tas-Servizz Pubbliku.
Fi kliem il-Permanent Secretary Paul Zahra fix-xhieda tieghu: “jien ma kellix pressjoni la fuq dana l-każ u fuq xi każ ieħor fil-ħidma tiegħi matul dik is-sena”.
Paul Zahra, wieħed mill-iktar uffiċjali tas-Servizz Pubbliku ta’ esperjenza li għad għandna għax għadu Permanent Secretary, qal li min-naħa tiegħi dejjem ra l-atteġġjament li kien jistenna minn Ministru, b’ebda indħil politiku. Wieġeb “kategorikament le, never” għad-domanda li saritlu jekk ħassx xi pressjoni min-naħa tiegħi biex il-każ ikun deċiż mod u mhux ieħor.
Anzi spjega li l-iskop tal-uniku laqgħa li jien attendejt fuq dan il-każ kien dan: “kien hemm diskussjoni li kienet ilha għaddejja snin dwar dan il-każ u l-objettiv ta’ dak il-meeting kien to try and reach a closure”.
Iktar tard qal: “Le ma naħsibx li xi ħadd ha xi linja partikolari. Fis-sens li kien hemm options on the table, a big discussion fuq liema huma l-options, iżda mhux li din jew din. Iman u n-nies tiegħu kellhom imorru lura biex jiġu bi proposti fattibbli.”
Juru wkoll li dejjem imxejt skont ir-rakkomondazzjoni li tkun saritli. Inkluż meta jien approvata minuta għall-bejgħ, liema minuta għaddiet mingħand is-Segretarju Permanenti Paul Zahra.
Il-Minuta li jien iffimajt giet għandi permezz tal- Permanent Secretary Paul Zahra. Fi kliemu stess: “Il-Minuta żgur li kienet qed tirrifletti (d-diskussjoni li kien hemm f’dak il-meeting) għax kieku ma kontx ngħaddih il-file.”
Dik hija c-chain of command fiċ-Ċivil, u li jien dejjem irrispettajt. Rakkomandazzjoni tiġi mid-Dipartiment u tgħaddi għand il-Permanent Secretary li imbagħad huwa jgħaddiha lill-Ministru. U jgħaddiha mhux bħala formalità, imma għax ikun qed jaqbel ma’ dik il-minuta, għax kieku ma jkunx qed jaqbel magħha ma jgħaddiex il-file għand il-Ministru inkella jiktiblu li huwa mhux qed jaqbel, qal Jason Azzopardi.
Mix-xhieda tal-NAO quddiem dan il-Kumitat fl-10 ta’ Ottubru 2017 l-NAO qal li minkejja li s-sentenza tat lill-Gvern id-dritt li jimponi li jwaqqa’ l-proprjetà, però l-Gvern kellu d-dritt li jaghzel li “jsolvi” dan il-każ.
Fl-istess seduta, l-NAO qal: “..kien parti minn Binja ikbar. Allura ma kienx jagħmel sens li l-Gvern jimponi li titwaqqa’ parti minn Binja ikbar. Evidenti li ma kienetx tagħmel sens, kemm għall-GPD, kemm għall-Gvern, kif ukoll għall-kumpanija. Is-soluzzjoni li jidħlu f’negozjati kienet tagħmel sens għal żewg partijiet, kienet win-win”.
Jason Azzopardi innota li l-NAO stess jgħid fis-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2017 li l-uffiċjali tal-GPD lili ma qalulhiex speċifikament li “kienu se jdaħħlu €35”. Fi kliem l-istess NAO “biex ngħidu kollox, ir-responsabbilità li jiggwida lill-Ministru hi tal-uffiċjal pubbliku”.
Fuq domanda li saritlu, l-ex Kummissarju tal-Artijiet xehed li qatt ma kien hemm istanza fejn jien jew il-Ministru Fenech biddilna minuta, jew bagħtniha lura għax ma naqblux magħha fuq dan il-każ. Jien dejjem imxejt fuq il-parir tal-uffiċjal pubbliku.
Jason Azzopardi innota li ma kienetx l-ewwel darba li l-Lands, wara li tkun inħarġet acceptance letter li tikkonferma ċ-ċifra, ma jibqax fuqha u jinfetaħ mekkaniżmu differenti. Dan ikkonfermah l-ex Kummissarju tal-Artijiet fuq domanda li saritlu.
Ma nistax ma nagħmilx paragun biex nifhmu ftit eżattament dak li intqal fuq il-valur tas-sit inkwistjoni. Dan hu każ fuq art footprint ta’ 165 metru kwadru. biss li fl-2012 inbiegħ mill-Lands għal €525,000; €3,181 għal kull metru kwardu. Is-sena li għaddiet, bl-ekonomija tajba u prezzijiet tal-bini għoljin sew, art footprint ta’ 24,000 metru kwadru inbiegħet mill-Gvern għal €15-il miljun biss, fejn kien hemm l-ITS f’San Ġiljan. Jiġifieri inbiegħet bi €625 biss għal kull metru kwardu; biex jinbnew torrijiet bi prezzijiet m’ogħla s-sema. Xi deputati ta’ dan il-Kumitat għamlu ħafna u ħafna plejtu fuq il-prezz ta’ €525,000 għal art footprint ta’ 165 metru kwadru.
X’se jgħidu mela fuq l-art tal-ex ITS li bil-prezz tal-2010 kienet tiswa miżerjament €138 miljun. Anzi, jekk irridu nużaw ir-riga tal-valutazzjoni wżata mill-NAO f’dan il-każ per metru kwadru, insibu li s-sit tal-ex ITS kellu jinbiegħ għal €564 miljun u mhux €15-il miljun li inbiegħ!
Jason Azzopardi qal li hu qatt ma iltaqa’ ma individwi jew avukat li kien qed jippartoċinja lil xi persuna li jirrappreżenta l-kumpanija nvoluta fil-kwistjoni. Ma kellix pressjoni, sostna Jason Azzopardi, li kompla li ma jħammarlu wiċċu xejn li bid-deċiżjoni gawdew l-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja. Hu qal li kien komdu li l-propjetà tinbiegħ għaliex kien jaf li l-flus se jmorru għand il-Knisja. Jason Azzopardi xehed li d-deċiżjoni tal-bejgħ tal-propjetà kienet waħda kollettiva u sostna li r-repsonsabbiltà politika tintrefa’ meta l-politiku juninformat u mhux żgiwdat.
//= $special ?>