Lokali

FILMAT: Il-Ministru Konrad Mizzi ma jeskludix li jkeċċi lill-piloti tal-Air Malta

Il-Ministru Konrad Mizzi m’eskludiex li jkeċċi lill-ħaddiema jekk fl-immedjat il-Union tal-Piloti ma taċċettax il-kundizzjonijiet offruti lilha mill-Gvern.

Il-Ministru Mizzi kien mistoqsi speċifikament dwar dan hekk kif il-ftehim kollettiv tal-piloti għad m’hemmx qbil dwaru.

“It-tama tiegħi dwar l-offerta tagħna, li fl-opinjoni tiegħi hi waħda ġusta, hi li s-sens komun jirbaħ,” kienet l-unika dikjarazzjoni tal-Ministru meta mistoqsi dwar jekk hux jikkunsidra li jkeċċi l-piloti u jinbidlu b’oħrajn jekk jibqgħu ma jiffirmawx.

Mistoqsi wkoll biex jagħti data eżatta sakemm lest li jagħti ċans biex l-ALPA tagħti risposta definittiva, Konrad Mizzi qal biss li “l-ballun issa qiegħed għand l-ALPA, il-piloti kollha huma nfurmati bil-proposti kollha u ovjament nixtiequ li kemm jista’ jkun malajr l-ALPA jsejħu laqgħa ġenerali straordinarja.”

Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim kollettiv ieħor bejn l-Air Malta, il-Gvern u l-general Workers’ Union  li jibqa’ validu sal-2023.

Iżda mal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-enfasi mill-ewwel daret fuq in-nuqqas ta’ qbil dwar il-piloti, bil-Ministru mill-ġdid itenni li l-Gvern mhux lest joffri xejn iżjed minn dak offrut.

“Il-Gvern issa għamel u ppreżenta l-pożizzjoni finali min-naħa tal-linja tal-ajru. Dan hu dak l-iktar abbordabbli u sostenibbli u għalhekk ma nistgħux intejbu iżjed l-offerta tagħna,” iddikjara Konrad Mizzi.

Konferenza tal-aħbarijiet li kienet karatterizzata minn diversi botti lejn l-ALPA, bil-President George Abela, li qed jassisti fid-diskussjonijiet, jgħid hekk: “Nittama li m’hemmx għalfejn li ‘l quddiem ngħidu x’kienu t-talbiet, u fejn wasalna. L-importanti li naslu.”

Dan fl-istess waqt li ntqal kemm huma mportanti l-piloti għal kumpanija li trid tkabbar l-operat tagħha, iżda li ironikament ġurnata biss qabel sar magħruf mill-ġurnali li waqqfet il-linja diretta lejn Berlin.

Mistoqsi dwar dan, iċ-chairman Charles Mangion filfatt ammetta li “madwar sentejn ilu l-kumpanija kienet investiet bil-qawwi fir-rotta ta’ Berlin imma it didn’t take off.”

Il-ftehim kollettiv kollha kellhom jiġu ffirmati sa tmiem is-sena li għaddiet, inkluż dak mal-piloti.