Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq se tibgħat delegazzjoni għall-Olimpjadi…Ftehim biex tonqos it-tensjoni mal-ftuntiera

Il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq komunista ltaqgħu għall-ewwel taħditiet ta’ livell għoli wiċċ-imb-wiċċ għal aktar minn sentejn u fejn l-iżblokk importanti kienet id-deċiżjoni tal-Korea ta’ Fuq biex tibgħat delegazzjoni għall-Olimpjadi tax-Xitwa li se jsiru fi Frar, f’Pyeongchang (fil-Korea t’Isfel). Id-delegazzjoni tal-Korea komunista għandha tkun magħmulha minn atleti, uffiċjali u grupp ta’ partitarji.

Sar ukoll qbil bejn il-Korej biex jidħlu għal taħditiet militari biex tonqos it-tensjoni mal-fruntiera, iżda d-delegazzjoni komunista kienet ‘negattiva’ dwar is-suġġett tad-denuklearizzazzjoni. Stqarrija konġunta, intant, irreferiet għat-taħditiet militari inkwistjoni u biex isiru l-iskambji f’numru ta’ oqsma. Kien irrappurtat ukoll li ‘il quddiem se jsiru taħditiet oħra fuq livell għoli għat-titjib fir-relazzjonijiet inter-Koreani.

Il-Korea t’Isfel talbet lill-ġar komunista biex iżomm lura minn azzjonijiet li jżidu t-tensjoni waqt li l-Korea ta’ Fuq semmmiet il-ħtieġa għall-garanzija ta’ klima paċifika fil-peniżola komuni.

It-taħditiet inter-Koreani saru fil-‘villaġġ tal-paċi’ ta’ Panmunjom, fiz-zona demilitarizzata mal-fruntiera komuni. Fi żvilupp ieħor importanti, uffiċjali tal-Korea t’Isfel qalu li hotline militari bejn il-Korej, li kien ilu sospiż għal kważi sentejn, se jerġa’ ikun effettiv minn għada.

Waqt it-taħditiet, il-Korea t’Isfel insistiet għar-reunjoni ta’ familji Koreani li ilhom mifrudin mill-gwerra tal-Korea tal-ħamsinijiet. Din l-issue hi sensittiva ħafna għall-ġirien tal-peniżola u l-Korea t’Isfel proponiet biex ir-reunjoni ssir waqt il-btajjel tas-Sena Ġdida Lunari li jinzertaw fl-eqqel tal-Olimpjadi.

Fl-istess ħin, il-Korea t’Isfel qalet li għandha tikkunsidra t-tneħħija tas-sanzjonijiet relevanti fuq il-Korea ta’ Fuq. Dan jista’ isir bil-koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u bil-għan li ‘huma jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni’ tal-Korea ta’ Fuq fl-Olimpjadi tax-xahar id-dieħel.

Intant, il-Kap tad-delegazzjoni Koreana komunista, Ri Son-gwon, awgura li t-taħditiet ‘jirriżultaw f’rigal sabiħ għas-sena ġdida’. Hu anki għamilha ċara li l-Korea ta’ Fuq kienet daħlet għad-djalogu ‘b’sens ta’ serjetà u sinċerità’.

Ir-rapporti qalu li l-President tal-Korea t’Isfel Moon Jae-in u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, segwew it-taħditiet f’Panmunjom permezz tas-CCTV.

Ftit aktar minn ġimgħa ilu, il-Korea ta’ Fuq kienet qed thedded gwerra u l-aħħar żviluppi karatterizzaw bidla drammatika wara daqstant xhur ta’ tensjoni. Madankollu huma ftit l-uffiċjali fil-Korea t’Isfel li jemmnu li d-dispożizzjoni ta’ Pyongyang biex jieħu sehem fl-Olimpjadi tax-xitwa qed turi bidla fundamentali fil-pożizzjoni tiegħu.

L-esperti qed jgħidu li Kim Jong-un qed isir dejjem aktar ansjuż li l-Istati Uniti tista’ qed tippjana attakk militari kontra tiegħu u, għaldaqstant ‘hu iddeċieda biex jagħmel xi ħaġa bil-għan li jnaqqas mit-tensjoni’.