Lokali

Il-Gvern għandu jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu

L-oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex jikkjarifika l-pożizzjoni u jgħid li se jkun qed jopponi kull tip ta’ proposta biex ikun hemm armonizazzjoni tas-sistemi ta’ tassazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea.

Qal dan il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-finanzi, Mario de Marco f’reazzjoni għal dak li qal Frans Camilleri, gvernatur tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, fil-ġurnal The Malta Independent. Camilleri kien kwotat jgħid li Malta mhix kontra l-armonizazzjoni tas-sistemi ta’ tassazzjoni, anzi Malta hi favur.

Mario de Marco qal li din id-dikjarazzjoni ta’ Camilleri tmur għal kollox il-kontra tal-pożizzjoni li kienet adottata minn Malta f’dawn l-aħħar snin. Malta kienet minn ta’ quddiem f’dik li hi koordinazzjoni dwar tassazzjoni u aċċess għall-informazzjoni imma kienet kontra l-isforzi kollha minn diversi entitajiet biex ikun hemm armonizazzjoni tas-sistemi ta’ tassazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea. Malta minn dejjem ħadet din il-pożizzjoni rrispettivament liema partit politiku kien hemm jew hemm fil-Gvern.

Fi stqarrija l-Gvern b’referenza għal opinjoni miktuba fil-media lokali, irid jingħad li l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa ma nbidlitx fejn bħala pajjiż ma nistgħux naqblu ma’ one-size-fits-all hekk kif propost permezz tal-armonizzazzjoni tat-taxxa. Dan jista’ jpoġġi f’periklu s-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u għaldaqstant il-Gvern se jibqa’ jaħdem sabiex jissalvagwardja l-interessi ta’ pajjiżna.

Sadanittant, fi stqarrija bi tweġiba għal dik tas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech sostnew li l-pożizzjoni taghħom kienet u għadha dik li jiddefendu s-sistema tat-taxxa f’Malta. “Dan jafu Silvio Schembri, jafu s-settur tas-servizzi finanzjarji u jafu l-pajjiż kollu,” qalu l-MEPs fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.

Casa, Metsola u Zammit Dimech qalu li d-dubju li qed jiprova joħloq Silvio Schembri jista’ jkun ġej mill-fatt li jrid jiprova jiddevja l-attenzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi mill-kummenti li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat fuq il-programm tal-BBC Newsnight. L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qalu li mhux sorpriżi li Silvio Schembri nqabad iħawwad – wara kollox din mhix l-ewwel darba għaliex hu kien qal – xi ħaġa li mhix vera – li kienet amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li tat il-liċenzja lil Pilatus Bank. L-MEPs qalu li Silvio Schembri qisu nesa li kienu l-kollegi tiegħu Soċjalisti li, fil-Parlament Ewropew, qed jinsistu li jiddikrivu lil Malta bħala tax haven – u li dan ma seħħx biss grazzi għall-ħidma tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech temmew jgħidu li l-Partit Laburista għandu jieqaf bil-logħob politiku meta fin-nofs hemm l-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin.