F’mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala saret talba lill-Kunsill sabiex jagħmel talba formali lill-Gvern sabiex jieħu l-art fiż-Żonqor lura mingħand Sadeen u jagħtih lura lill-Maltin.
F’messaġġ qawwi favur l-interessi tar-residendi ta’ Marsaskala, John Baptist Camilleri, Sandro Gatt u Charlot Cassar, saħqu li d-deċizjoni li Żonqor jingħata għall-iżvilupp kienet waħda żbaljata mill-bidu nett u kien ikun ferm aħjar li kieku din ġiet irrifjutata sentejn u nofs ilu kif kienu talbu huma.
Issa, li qed jirriżulta bl-aktar mod ċar illi din l-hekk imsejħa American University of Malta falliet bil-kbir milli tilħaq il-miri tagħha u saħansitra ukoll naqset dawn il-miri bin-nofs, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu opportunità ġdida biex jirranġa dak li messu sar mill-ewwel fl-2015.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista talbu lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex jagħmel talba formali lill-Gvern li fiha jitlob li l-art f’Żonqor ma tibqax aktar f’idejn il-kumpanija Sadeen Education Investment iżda għandha terġa’ ssir art pubblika li titħalla fl-istat naturali tagħha waqt li tiġi protetta u terġa’ ssir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Dan sabiex din l-art ta’ ġmiel naturali mill-isbaħ tkun tista’ tibqa titgawda għal dejjem min-nies ta’ Marsaskala u l-poplu Malti kollu.
John Baptist Camiller, Sandro Gatt u Charlot Cassar, żiedu jgħidu illi l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu ukoll iħeġġeġ lill-Gvern sabiex hekk kif l-art f’Żonqor terġa’ ssir art pubblika, minnufih u bla aktar telf ta’ żmien jibda xogħol estensiv ta’ rinovar fil-pixxina eżistenti li hemm f’Żonqor kif ukoll fil-partijiet esterni ta’ madwar il-pixxina li tħallew f’telqa u b’hekk jiġi evitat li din ikollha terġa’ tinbena mill-ġdid fil-bajja pittoreska ta’ Marsaskala.
Huma temmew jgħidu li jawguraw illi jirrenja s-sens komun u li jirbaħ l-interess tar-residenti ħalli b’hekk igawdu mhux biss in-nies ta’ Marsaskala iżda ukoll il-poplu Malti kollu u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
//= $special ?>