Il-Partit Nazzjonalista irid jaħdem id f’id mal-għaqdiet ambjentali għall-ġid ta’ pajjiżna u għal futur aħjar għal uliedna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma’ rappreżentanti minn organiżżazzjonijiet li jaħdmu faur l-ambjent.
Adrian Delia qal li l-Mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni il-ġimgħa li għaddiet sabiex il-Gvern jieħu lura l-art ODZ fiż-Żonqor hija eżempju konkret ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem flimkien mal-għaqdiet ambjentali. Huwa qal l-art hija skarsa f’pajjiżna u għalhekk huwa mportanti li l-Parlament jiddiskuti din il-Mozzjoni b’mod urġenti.
Il-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li jżomm linja ta’ komunikazzjoni miftuħa mas-soċjetà ċivili, qal Adrian Delia, mhux biss fuq punti fejn hemm qbil iżda b’mod partikolari fejn hemm diverġenza fil-perspettivi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lir-rappreżentanti tal-għaqdiet għax-xogħol siewi li jwettqu favur il-wirt naturali u kulturali ta’ pajjiżna.
Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Ambjent Karol Aquilina, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, u il-Viċi Whip Frederick Azzopardi.
//= $special ?>