Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Tirriżenja Greening fir-reshuffle tal-Kabinett

Justine Greening, li sa ftit ilu kienet is-Segretarju responsabbli mill-Edukazzjoni, irriżenjat mill-Gvern wara li rrifjutat id-dekasteru għax-xogħol u l-pensjonijiet fl-amministazzjoni tal-Prim Ministru, Theresa May.

Ir-riżenja hi l-akbar theżżiża fir-reshuffle tal-Kabinett, fost rapporti li l-Prim Ministru May tinsab ‘iddiżappuntata’ bid-deċiżjoni ta’ Greening.

Intant, Damian Hinds ħa f’idejh il-Ministeru ta’ Greening, b’Esther McVey tilħaq bħala Segretarju ġdid għax-xogħol u l-pensjonijiet. Brandon Lewis inħatar Chairman tal-Partit Konservattiv fil-Gvern; b’Matt Hancock u Karen Bradley jieħdu d-deskasteri rispettivi għall-Kultura u l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-reshuffle fil-Kabinett ta’ May qed ikompli, bil-konferma tar-responsabbiltajiet  għall-junior ministers.

Il-Ministri ewlenin fil-Kabinett ta’ May kollha żammew posthom, b’dawn jinkludu s-Segretarju għall-Intern, Amber Rudd; il-Kanċillier Philip Hammond; is-Segretarju għall-Brexit David Davis, u s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson.