Internazzjonali

L-Armata Sirjana tirrapporta attakki mill-qawwiet ta’ Iżrael

L-Armata tas-Sirja qalet li l-qawwiet ta’ Iżrael, dalgħodu, attakkaw diversi stallazzjonijiet u bażijiet tal-militar Sirjan qrib il-kapitali, Damasku.

Ingħad li l-qawwiet Iżraeljani użaw ajruplani tal-gwerra u missili fir-rejd, bil-jets ta’ Iżrael jisparaw ir-rokets lejn iz-zona ta’ al-Qatuyfah (viċin Damasku) wara li kienu daħlu fi spazju tal-ajru tal-Libanu.

Is-Sirjani qalu wkoll li d-difiżi tagħhom irnexxielhom jolqtu wieħed mill-ajruplani Iżraeljani.

Sadanittant, ir-rapporti sostnew li l-militar Iżraeljan spara wkoll il-missili lejn is-Sirja mill-artijiet tal-Golan okkupati u li d-difiżi tas-Sirja rnexxielhom jinnewtralizzaw l-istess missili, bi ftit ħsarat materjali.

L-istqarrija tal-Armata Sirjana fissret dawn l-attakki bħala ‘eżempju ċar tal-aggressjoni Iżraeljana’ u wissiet dwar ir-riperkussjonijiet ta’ attakki ta’ dan it-tip. Is-Sirja qalet ukoll li qed iżżomm lil Iżrael ‘għal kollox responsabbli mill-konsegwenzi’.

Iz-zona ta’ al-Qatuyfah tinsab qalb is-sobborgi tal-grigal ta’ Damasku, fejn it-taqsimiet tal-Gwardja Repubblikana tas-Sirja għandhom il-kwartieri u l-bażijiet ewlenin.

Il-militar ta’ Iżrael, intant, naqas milli jikkummenta dwar ir-rapporti Sirjani.

Dan meta l-Iżraeljani huma determinati biex is-Sirja ma tintużax mill-Iran għat-twaqqif ta’ bażijiet jew biex jitrasferixxi l-armamenti lill-grupp militanti Lebaniż, Hezbollah, li qiegħed jgħin lill-Gvern tal-President Sirjan Bashar al Assad biex irażżan lir-ribelli fis-Sirja.