Internazzjonali

Rejds anti-Mafja: Għexieren ta’ arresti fl-Italja u l-Ġermanja

Il-Pulizija fl-Italja u l-Ġermanja għamlu mal-170 arrest waqt rejds kontra l-mafja. Dan waqt li l-pulizija ħatfu assi b’valur ekwivalenti ta’ 50 miljun ewro waqt azzjoni speċifika kontra l-grupp kriminali ‘Ndrangheta.

Bħala parti mill-attivitajiet tal-grupp kriminali, ir-ristoranti fil-Ġermanja kienu kostretti li jixtru l-inbid, il-pizza, l-għaġin u l-pasti li huma prodotti fin-nofsinar tal-Italja.

L-arrestati jinkludu l-Persident tal-provinċja ta’ Crotone, Nicodemo Parrilla. Crotone tinsab fir-reġjun ta’ Kalabrija, fl-Italja, bl-investigazzjoni tikkonċentra fuq il-grupp ta’ Farao-Marincola, li hu fost l-aktar fergħat kriminali b’saħħithom f’dak ir-reġjun.