Internazzjonali

‘Temmnux li l-Brexit mhux se jsir’ – Juncker

Il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker,  jemmen li l-Brexit se jsir fir-realtà u li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonfronta t-telf imminenti fil-baġit tagħha b’konsegwenza tat-tluq tar-Renju Unit minn mal-grupp ta’ pajjiżi.

Juncker tkellem wara li l-eks Prim Ministru Britanniku, Tony Blair, ingħaqad ma’ personalitajiet prominenti oħrajn fl-argument li ‘kapaċi jdawwru lura l-Brexit’. Fl-argument issemma fost oħrajn, referendum ġdid potenzjali dwar kwalaunkwe ftehim li jintlaħaq mal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE.

Iżda Juncker, issa, qed iwissi ‘biex in-nies ma jemmnux fid-diskors li l-Brexit mhu se jsir qatt u li l-Britanniċi rrealizzaw li żbaljaw meta vvutaw ( fir-referendum ta’ Ġunju tal-2016) biex jitilqu’.

Sadanittant, Gunther Oettinger, il-Kummissarju għall-Baġit tal-UE , qal li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni għandu jħalli ‘ħofra’ ta’ bejn 12 u 13 il-biljun ewro fil-finanzi tal-Unjoni. Dan meta l-Brexit hu fissat għal Marzu tal-2019.

Oettinger wissa li d-distakk fil-baġit, ‘il quddiem, jeħtieġ ikun ibbilanċjat bi qtugħ fl-infiq u bi flus ġodda li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas. Hu issuġġerixxa taxxa fuq il-prodotti tal-plastik – effettiva għall-UE sħiħa – bħala sors għal introjtu addizzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika proposta f’Mejju li ġej waqt li ħeġġet lill-Mexxejja tal-UE biex jaqblu dwar ftehim għall-baġit tal-Unjoni sa Mejju tal-2019.