Lokali

TEMPO: Afterparty wara l-attivita’ ‘Erba’ Pjazez’

Wara l-attivita’ ‘Erba’ Pjazez’ li se tagħti bidu għall-Valletta 2018 – il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, se jsir afterparty fi Pjazza San Gorg. L-afterparty se jkun jismu TEMPO dan hekk kif se jingħaqdu flimkien id-DJ Tenishia u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Il-mużika li ser tindaqq live se tvarja minn dik tas-snin 70, tas-snin 80 u 90 u anke mużika ta’llum il-ġurnata bid-differenza li saru arranġamenti mużikali biex il-mużika tindaqq mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mad-DJ Tenishia, Joven Grech.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mic-Chairman tal-Valletta 2018 Jason Micallef, mid-DJ Tenishia u mis-Surmast tal-Orkestra Sigmund Mifsud.

Dan l-ispettaklu, li se jsir fl-20 ta’ Jannar mill-11:30 ta’ filgħaxija ‘il quddiem, ġie deskritt mill-organizzaturi bħala serata li ma titwemminx.

L-arranġamenti mużikali minbarra d-DJ u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta saru anke bil-kollaborazzjoni ta’ Aurelio Belli. Ingħad li biex jitella’ dan l-ispettaklu mużikali x-xogħol ma kienx wieħed faċli imma rnexxielhom jaħdmu fuq 17-il track ta’ mużika ta’ stil differenti fosthom Faithless, Daft Punk, mużika, trans u anke techno.