Lokali

Il-Każ tal-bomba fil-Fgura: Il-Pulizija tistabbilixxi minn fejn kienet attivata l-bomba

Fl-ebda filmat tas-CCTVs ma jinqabad min attiva l-bomba. Il-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha biex tipprova tistabbilixxi min hemm moħbi wara din il-bomba li nħadmet u tpoġġiet f’kontenitur tal-ħadid.

Wara kważi ġimgħa mill-bomba fil-Fgura, li fortunatament ma splodietx minkejja li kienet attivata, il-Pulizija għadha f’għama totali dwar min seta’ poġġa din il-bomba u x’mottiv kellu wara dan l-att kodard.

Madankollu, l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija stabbilixxew s’issa l-post minfejn kienet attivata l-bomba. Iżda minkejja li fl-inħawi hemm bosta sistemi tas-CCTV, fl-ebda filmat ma jinqabad min attiva l-bomba.

Fil-jiem li għaddew, il-Pulizija tkellmet fit-tul mal-vittma ta’ din il-bomba – Mario Scicluna, Ħamruniż, iżda residenti fi Triq Sant’Antnin, il-Fgura. Il-Pulizija f’dan l-istadju aktar qed temmen li l-bomba tpoġġiet minn xi ħadd li ried iwassal messaġġ ċar lil Mario Scicluna.

Huma diversi l-fronti li l-Pulizija qed tinvestiga fil-kors tal-istħarriġ tagħha dwar il-konnessjonijiet u l-kuntatti li Mario Scicluna għandu, mhux biss waqt ix-xogħol tiegħu li jixtri u jbigħ il-karozzi, imma anki fil-ħajja privata tiegħu.

It-tqegħid tal-bomba l-ġimgħa l-oħra taħt il-karozza Mitsubishi Pajero, ġabet magħha mumenti ta’ tensjoni qawwija fi Triq Sant’Antnin, il-Fgura, u fl-inħawi preċiżament meta persuna ntebħet li taħt karozza partikulari kien hemm oġġett suspettuż li kien qiegħed jisparkja u li mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien hemm bomba lesta biex tisplodi. Fortunatament, għal xi raġuni mhux magħrufa, din il-bomba ma ħaditx.