Lokali

“Il-kuntratt tal-Gvern ma’ VGH hu fażull; jeħtieġ investigazzjoni mmedjata” – MAM

Il-Gvern ta €34 miljun lill-VGH iżda dawn m'għamlu l-ebda modernizzar fl-isptarijiet

L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) iddikjarat li l-kuntratt tal-Gvern mal-VGH dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet San Luqa, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech hu fażull u għandu jun investigat immedjatament mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Dan filwaqt li l-Gvern għandu jwaqqaf il-ftehim preżenti u kull tip ta’ ftehim ieħor li jista’ qed isir dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Maltin.

F’konferenza tal-aħbarijiet Martin Balzan, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti u qal li t-tobba Malitn huma mħassba u preokkupati bis-sitwazzjoni preżenti għaliex minn dan il-ftehim mal-VGH is-settur mediku Malti mhu se jibbenefika xejn. Martin Balzan sostna li l-gvern għamel ftehim ħażin meta ta enfitewsi għal 30 sna fuq tliet sptarijiet għas-somma insinfikanti ta’ €3 miljuni.

Dan meta l-VGH ma kellha l-ebda esperjenza fis-settur mediku tant li insew japplikaw għal-liċenzja biex joperaw sptar. Il-VGH ma kellhix indikat min hu s-sid u kienet biss kumpanija ta’ operatur fil-British Virigin Islands li għandha assi limitati ħafna.

Martin Balzan qal li rriżulta wkoll li s-sorsi l-oħra ta’ kapital li ssemmew – Allianz, Oxley Capital u Bank of Australia – iddikjaraw li ma kellhomx interess jew involviment fil-proġett. Hu spjega kif il-Gvern ħallas €34 miljun lil VGH biex iwettqu l-modernizzar iżda fir-realtà m’għamlu xejn ħlief li saret ħofra kbira f’Għawdex u xkatlaw il-faċċata tal-Isptar San Luqa. Jirriżulta li fuq ġewwa tal-isptarijiet ma sar l-ebda modernizzar. Jirriżulta sostna Martin Balzan, li l-VGH kissru wkoll il-kuntratt mal-gvern għaliex ma żammewx mal-miri speċifikati fil-kuntratt.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Union tat-Tobba Maltin (MAM)qed tappella lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga din li-konċessjoni, qed jappellaw lill-Ministru tas-Saħħa biex iwaqqaf in-negozjati kollha relatati mal-bejgħ tal-konċessjoni u lill-Ministru tal-Finanzi biex iwaqqaf kull pagament dovut lil VGH sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet.

Martin Balzan sostna li l-MAM se tagħti 10 ijiem żmien lill-gvern biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu u wara se tieħu azzjonijiet industrijali jew tmur abritraġġ. Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM qal li l-VGH impjegat numru ta’ konuslenti mediċi b’mod irregolari fosthom lil Albert Fenech li l-impjieg tiegħu mhux f’linja mar-regolamenti. Jirriżulta li s’issa l-VGH ingaġġaw madwar ħames konsulenti.

Martin Balzan qal li b’dan il-kuntratt il-Gvern qisu xtara l-ħut fil-baħar u sostna li l-gvern għandu kull dritt iwaqqaf il-kuntratt li għandu mal-VGH.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM sostna li l-Prim Ministru għandu jiftaħ kawża l-qorti biex iwaqqaf dan il-kuntartt bl-istess mod kif għamel dwar il-kuntratt fl-iskandlu ta’ Gaffarena. Dan mhux każ ta’ ppp għaliex f’dawn il-każi jkun il-privat li jagħmel l-investiment u mhux il-gvern, kif sar f’dan il-każ. Martin Balzan appella lill-gvern biex jipproteġi l-assi tal-poplu.

Tags