Futbol Lokali Sport

Il-Parlament għandu jiddiskuti u japprova l-abbozz ta’ liġi dwar il-korruzzjoni fl-isport mingħajr dewmien – PN

(Ritratt: MFA)

Wara l-każi tal-korruzzjoni fil-Futbol tal-aħħar fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista spjega li se jieħu l-problema tal-korruzzjoni fl-isport bis-serjetà u pparteċipa b’mod attiv biex tfassal abbozz ta’ liġi li jindirizza b’mod konkret u dirett din l-istess problema.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li ilu xhur li ddikjara d-dispożizzjoni sħiħa tal-Oppożizzjoni sabiex dan l-abbozz jiġi kkonfermat u approvat bħala liġi.

Bħalma turi ċar l-ittra mibgħuta f’isem l-Oppożizzjoni f’Lulju 2017 lill-President tal-Malta Football Association, il-Partit Nazzjonalista esprima bl-aktar mod qawwi il-ħtieġa urġenti li dan l-abbozz jitressaq għad-diskussjoni tal-Parlament. L-ittra kienet iffirmata minn David Agius u Jason Azzopardi.

L-aħbar kerha li sitt players tat-tim nazzjonali tal-fultbol ta’ taħt il-21 sena instabu ħatja mill-UEFA ta’ involviment f’manipulazzjoni tal-logħob u s-sentenza ta’ uffiċjal ta’ Pembroke, juru kemm kellha raġun l-Oppożizzjoni tinsisti għal azzjoni immedjata, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jkompli jħeġġeġ lil Gvern biex malajr kemm jista’ jkun jressaq fil-Parlament l-Ewwel Qari ta’ dan l-abbozz ta liġi ħalli wara, u malajr kemm jsta’ jkun, l-Parlament Malti japprova dawn il-bidliet tant neċessarji fil-liġi Maltija għall-ġid tal-isport u l-isportivi f’Malta.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija qal li jemmen ukoll li wasal il-mument li f’pajjiżna tinħoloq pjattaforma bil-parteċipazzjoni ta’ diversi stakeholders biex bħala pajjiż nikkumbattu b’serjetà l-korruzzjoni fl-isport.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-isport għandu jitħalla nadif u fl-istess ħin tibda f’pajjiżna kampanja edukattiva biex inkomplu nsaħħu kultura sportiva f’pajjiżna.