Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisma’ lin-nies u n-nies se jkomplu jgħidulu x’inhu jdejjaqhom, x’jeħtieġu u minn xiex għaddejjin, biex minn hemm il-PN jara x’hemm bżonn jagħmel għal Malta.
Dan il-messaġġ wasslu dalgħodu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività soċjali organizzata mill-PN fis-sala prinċipali tad-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Mijiet ta’ nies li attendew laqgħu b’entużjażmu u ċapċip lill-Kap tal-Partit mal-wasla tiegħu.
F’diskors qasir tal-okkażjoni, Adrian Delia qal li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista ma jitwassalx biss mill-midja tiegħu iżda dawk preżenti għandhom iservu ta’ ambaxxaturi ta’ dan il-messaġġ. Mhux importanti biss li d-Dar Ċentrali tilqa’ lin-nies tagħha hawn iżda din isservi ta’ opportunità biex kemm jista’ jkun it-tmexxija u n-nies tibqa’ viċin xulxin.
Il-mod il-ġdid tal-politika tal-PN, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jinġieb u se jkun jista’ jarah kulħadd għaliex il-Partit se jisma’ lin-nies u huma jridu jgħidulu x’qed idejjaqhom, x’jeħtieġu u minn xiex għaddejjin biex minn hemm, il-PN jara x’hemm bżonn jagħmel għal Malta.
Ninsabu f’mument fejn in-nies qed ikunu misruqa bil-barka tal-Gvern ta’ Muscat. Il-poplu qed ikun misruq meta jinbiegħu tliet sptarijiet tiegħu lil barranin bla rekord fil-qasam tas-saħħa. Għalhekk, qal Adrian Delia, hu ddeċieda li jqum jitkellem u jiġġieled għal pajjiżu, kif għandu jagħmel kull deputat parlamentari ieħor.
Adrian Delia tkellem fuq iż-żewġ mozzjonijiet li ressaq il-Partit Nazzjonalista fuq il-każijiet taż-Żonqor u l-Vitals Group bil-għan li jiġu difiżi l-interessi ta’ Malta.
Fil-każ taż-Żonqor, huwa qal li l-Gvern daħaq bil-poplu meta qal li kienet ġejja Università kbira għaliex illum nafu li lanqas hemm 14-il student fil-kampus ta’ Bormla. Hu evidenti li Muscat ta art verġni mal-baħar biex tiġi spekulata u għal xejn iktar meta din lanqas qatt ma kellha mqar istituzzjoni edukattiva waħda.
Il-Kap tal-PN appella lill-Gvern biex ma jkomplix iwebbes rasu u jitħanżer. Joseph Muscat għadu fiċ-ċans li jġib lura l-art għal uliedna eżatt qabel ma jżarma mill-politika. Il-Partit Nazzjonalista se jkun wara l-Gvern meta jġib investiment lejn in-Nofsinhar ta’ Malta, iżda se jkun hemm għal Malta meta l-Gvern jisraq lill-poplu.
Imbagħad Adrian Delia rrefera għall-qasam tas-saħħa. Hu qal li l-istess storja ġrat fil-każ tal-Vitals hekk kif il-Gvern qed jilgħab bis-saħħa taċ-ċittadini u ta’ wliedna meta ta tliet sptarijiet lil kumpanija barranija bla esperjenza medika.
F’dan it-tieni trasferiment tal-isptarijiet, Delia wissa lil Konrad Mizzi u Joseph Muscat li se jgħarralhom jekk se jidħqu bil-poplu meta jgħidu li l-Gvern ma jafx u lanqas se jindaħal f’dan it-trasferiment.
Adrian Delia temm id-diskors tiegħu b’appell lin-nies biex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jagħmluh tagħhom u jfiehmu x’qed jiġri lil dawk in-nies li forsi mhumiex jimpurtahom wisq x’qed jinbiegħ mill-assi tal-pajjiż u x’konsegwenzi għad ikollu fuq il-pajjiż dan kollu.
//= $special ?>