Lokali

Jonathan Ferris jgħid li qed iħossu mhedded u segwit minn xi ħadd

L-eks Uffiċjal tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) Jonathan Ferris qed iħossu mhedded għax qal li ġie segwit minn xi ħadd waqt li kien miexi bil-kelb tiegħu.

Mal-ġurnal The Times of Malta, Ferris qal li meta x-xahar li għadda ħareġ bil-kelb kmieni filgħodu, hu nnota li kien hemm xi ħadd qed isegwieh. Immedjatament, hu kkuntattja lill-Kummissarju tal-Pulizija li, min-naħa tiegħu, offrielu l-protezzjoni matul il-lejl.

Ma’ The Times, hu stqarr li wara dak li seħħ ix-xahar li għadda, mhux qed iħossu sigur biżżejjed, tant li qed ikollu jġorr miegħu arma tan-nar.

F’intervista mxandra ftit tal-jiem ilu fuq il-BBC, Ferris ta x’jifhem li qed jibża’ għal ħajtu, tant li spjega kif qassam l-informazzjoni li għandu f’sitt envelopes, li għaddihom lil sitt qraba u ħbieb differenti tiegħu. B’hekk, f’każ li jiġrilu xi ħaġa, l-informazzjoni li għandu ma tintilifx.

Fl-intervista, hu sostna l-allegazzjonijiet li għamel fix-xhur li għaddew dwar it-tkeċċija tiegħu, li seħħet għal raġunijiet politiċi. Dan meta xogħolu fl-FIAU kien jitlob li jinvestiga wħud mill-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat fil-blogg tagħha.

Fost l-oħrajn, il-Ġurnalista maqtula kienet allegat li l-kumpanija Egrant miftuħa fil-Panama hi ta’ mart il-Prim Ministru. Madankollu, din l-allegazzjoni kienet immedjatament miċħuda mill-koppja Muscat.