Lokali

Kundanna mill-MNPN għall-vjolenza domestika minn Uffiċjal Għoli tal-Pulizija

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) kkundanna s-skiet tal-Ministru Helena Dalli dwar il-każ tal-eks Assistent Kummissarju akkużat mis-sieħba tiegħu bi vjolenza domestika.

Fi stqarrija, l-MNPN innota li l-Ministru kellha tkun minn tal-ewwel li tikkundanna din il-vjolenza meta hi stess, f’Novembru li għadda, nediet strateġija kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika.

B’hekk, pajjiżna kellu jkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, bil-Ministru stess tkellmet dwar il-bżonn ta’ Strateġija Inter-Ministerjali, fost l-oħrajn bis-sehem tal-Pulizija. Dan, skont il-Ministru Dalli, għandu jsir biex il-vittmi jkollhom l-aħjar sostenn possibbli.

L-MNPN kompla li ma jistax ikun li tiġi injorata l-vjolenza, speċjalment fuq in-nisa, meta suppost qed nikkundannaw, filwaqt li nqajmu kuxjenza u għarfien biex ħadd ma jibża’ jirrapporta.

L-MNPN ikkundanna wkoll kliem il-Ministru Michael Farrugia, li skuża l-aġir tal-eks Assistent Kummissarju meta qal li jekk taħdem sigħat twal, jiskużak minn abbuż ta’ vjolenza domestika. Madankollu, l-ebda skuża ma għandha tiġġustifika vjolenza, speċjalment meta dan il-kliem ikun ġej minn persuna responsabli mill-protezzjoni u s-sigurtà taċ-ċittadin.

L-MNPN talab biex dawn il-Ministri u l-Gvern juru aktar responsabbiltà u jneħħu l-partiġġjaniżmu fil-ħarsien tal-persuni u tal-Liġi, filwaqt li jieħdu l-passi meħtieġa biex każi bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.