Lokali

L-ebda laqgħa skedata bejn l-ALPA u l-Ministeru

L-ALPA offriet li tibqa' bil-kundizjonijiet preżenti

Wara li lbieraħ il-Ministru Konrad Mizzi m’eskludiex li jkeċċi lill-ħaddiema jekk fl-immedjat il-Union tal-Piloti ma taċċettax il-kundizzjonijiet offruti lilha mill-Gvern, l-ALPA qed tinsisti li bħalissa l-Air Malta “għandha bżonn kull pilota”.

Dan intqal mir-rappreżentant tal-piloti James Fenech f’risposti li ta għal sensiela ta’ domandi mibgħuta dalgħodu mit-tim tal-produzzjoni tal-programm NET LIVE.

Il-Ministru Mizzi ilbieraħ kien mistoqsi speċifikament dwar dan hekk kif il-ftehim kollettiv tal-piloti għad m’hemmx qbil dwaru. “It-tama tiegħi dwar l-offerta tagħna, li fl-opinjoni tiegħi hi waħda ġusta, hi li s-sens komun jirbaħ,” kienet l-unika dikjarazzjoni tal-Ministru meta mistoqsi dwar jekk hux jikkunsidra li jkeċċi l-piloti u jinbidlu b’oħrajn jekk jibqgħu ma jiffirmawx.

“Il-Ministru qatt ma nfurmana dwar tkeccijiet ta’ piloti”, sostna James Fenech ma’ NET LIVE.

“It-talbiet li għamlet l-ALPA huma adekwati għat-talbiet dwar it-tneħħija ta’ kundizzjonijiet li kienu negozjati fi ftehim kollettivi preċedenti. Saħansitra l-ALPA offriet li tibqa’ bil-kundizjonijiet preżenti u ma tieħu l-ebda żieda”.

Il-President tal-ALPA ikkonfermalna li s’issa m’hemm l-ebda laqgħa skedata mal-Ministru jew ma’ l-Air Malta.