Lokali

“It-trasferiment tal-isptarijiet lokali bejn il-kumpaniji privati hi oxxenità” – Adrian Delia

It-tranżizzjoni tal-isptarijiet Maltin minn Vitals Global Healthcare għal għand Steward Health Care hi oxxena.

Kien b’dan il-mod li l-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, iddeskriva t-trasferiment tal-isptarijiet Maltin lil grupp ieħor barrani.

“Biex itina serħan tal-moħħ, Konrad Mizzi qed jgħid li l-Gvern mhux jindaħal fin-negozju ta’ bejn dawn iż-żewġ kumpaniji privati. Jiġifieri Vitals, li ma nafux min huma għax ma kellhomx esperjenza fis-settur tas-saħħa, jaf isibu lil xi ħadd agħar minnhom u l-Gvern jgħid li m’għandux x’jaqsam u mhux se jindaħal. Jiġifieri issa lanqas jinteressana min se jmexxi lill-isptarijiet tagħna. Din hi oxxena,” iddikjara Adrian Delia.

Dwar dan, l-Oppożizzjoni iktar kmieni din il-ġimgħa talbet lill-Awditur Ġenerali biex jestendi l-investigazzjoni, hekk kif diġa’ għaddejja investigazzjoni oħra dwar it-trasferiment oriġinali mill-Gvern għal għand Vitals 30 xahar ilu biss.

Waqt Iswed fuq l-Abjad, il-kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kontroversja tal-Cafe Premier fejn qal li l-espropjazzjoni skandaluża tal-Gvern għal €4.2 miljun minn but il-poplu tibqa’ ħażina, iżda l-għotja ta’ dan il-post lill-Kunsill tal-Belt Valletta hu ġest tajjeb.

“Tajjeb li l-Gvern għamel dak li għamel, meta intervjena b’dak il-mod biex akkwista l-post  u paxxa lil xi ħadd għal xi ħaġa li ma kellux għalfejn? Le. Ħażin. Kienet sitwazzjoni ħażina, għadha ħażina u jista’ jaqleb dak il-post fi knisja, għax xorta dak li seħħ jibqa’ ħażin. Imma l-użu tal-post per se ma jfissirx li għandu jibqa’ hemm bħala relikja meta hemm bżonn li l-Kunsill Lokali jkollu post denju,” iddikjara Adrian Delia.

Dwar iż-Żonqor l-Oppożizzjoni għamlet mozzjoni biex fid-dawl li l-Grupp Sadeen kiser l-obbligi tiegħu, iż-żona taż-Żonqor tittieħed lura u tingħata mill-ġdid lill-pubbliku.

“Ejja ma nagħmlux kollox politiku. Ejja nieħdu din l-okkażjoni biex dan il-grupp, li l-Gvern ġabu, nammettu li issa falla għax għandu biss madwar 14-il student u qed ikeċċi lill-impjegati b’imejl. Issa, il-Gvern għandu jaħseb f’Malta, jammetti li dan il-proġett ma rnexxiex u ladarba l-grupp ma mexiex mal-obbligi tiegħu jieħu lura l-art u ntuha lura lill-Maltin,” appella l-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Qal li madankollu dan ma jfissirx li proġetti oħra tajbin għall-Kottonera, jew riġenerazzjoni ambjentali taż-Żonqor ma jsirux.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-messaġġ ta’ politika b’mod ġdid, issa mwettqa meta l-kap tal-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa li d-diskorsi rispettivi tiegħu u tal-Prim Ministru jixxandru fuq iż-żewġ stazzjonijiet politiċi.

“In-nies tinduna li l-iktar ħaġa importanti għalihom mhix li ssolvilhom xi problema jew ittihom xi ħaġa, imma li jafu li għandom mod kif jitkellmu u jwasslu messaġġ. Dak hu xogħol il-politiku, li jwasslu l-leħen ta’ dawk li jirrappreżentaw,” fakkar Adrian Delia.

Qal li l-messaġġ ta’ apprezzament lejn din it-tip ta’ politika qed jinħass ukoll min-nies li ta’ kuljum Adrian Delia qed jiltaqa’ magħhom.