Uchenna Anyanwu, eks Team Manager u kowċ tal-klabb tal-futbol Pembroke Athleta, ingħata sentenza ta’ sena ħabs, sospiża għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €1,000 wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ korruzzjoni.
Il-każ imur lura għas-sena li għaddiet, meta f’Jannar u Frar ipprova jxaħħam żewġ plejers ta’ Mosta. Hu kien wiegħed li jtihom somma flus jekk iħallu lill-klabb tiegħu jirbaħ logħba bejn iż-żewġ naħat.
Il-plejers ta’ Mosta kienu rrifjutaw u saħansitra kixfu lin-Niġerjan, naturalizzat Malti, li għandu 31 sena. Uchenna ilu f’pajjiżna għall-aħħar snin, tant li miżżewweġ Maltija għall-aħħar tlettax-il sena u għandhom erbat itfal.
Konsegwenza tal-azzjonijiet ta’ Uchenna, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol kienet bdiet investigazzjoni mmedjata li wasslet biex Pembroke ingħataw sospensjoni ta’ ħames snin mill-kompetizzjonijiet internazzjonali.
Il-klabb, li mmedjatament keċċa lil dan l-uffiċjal, kienu tnaqqsulu wkoll għaxar punti, li wasslu biex eventwalment il-klabb ġie relegat għall-Ewwel Diviżjoni, u mmultat ukoll €5,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Elton Taliana u Robert Vella.
Dan il-każ ġie aġġudikat l-għada li sitt plejers tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena ġew sospiżi. Tnejn minnhom, Manuel Briffa u Kyle Cesare għal għomorhom fuq akkużi ta’ rranġar ta’ logħob internazzjonali u Samir Arab, Ryan Camenzuli, Llewelyn Cremona u Luke Montebello għal sentenzi li jvarjaw minn sentejn għal sena minħabba li naqsu milli jirrapportaw.
//= $special ?>