Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Bloomberg: Ir-Russi jagħżlu lil Malta u mhux lil Putin. Għaliex?

X’qed toffri Malta li mhux toffri r-Russja ta’ Putin? Din hi l-mistoqsija li qed jagħmel is-sit dinji Bloomberg, wara li ġie żvelat li numru kbir ta’ Russi qed jagħżlu li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. Artiklu bit-titlu ’Why Russians are choosing Malta over Putin’, jispjega kif fost dawk li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija, hemm sheikh mill-Arabja Sawdita li ġie arrestat dwar korruzzjoni, negozjanti mill-Pakistan u bankier fl-Ażerbajġan. Minbarra dawn it-tip ta’ nies, iżda, hemm ukoll bosta Russi li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija.

L-artiklu tal-Bloomberg jagħti ħarsa lejn uħud minn dawn ir-Russi li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Fosthom Arkady Volozh, il-fundatur ta’ Yandex, li hi dik li magħrufa bħala l-Google Russa. F’Settembru li għadda, l-President Russu Putin żar l-uffiċini ta’ Yandex biex isir jaf aktar dwar l-informazzjoni li qed tiġbor din il-kumpanija.

Hemm ukoll bosta żviluppaturi Russi li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija, is-sid ta’ wieħed mill-akbar produtturi tad-deheb fir-Russja, kif ukoll is-sid tal-akbar distillatur tal-vodka fir-Russja. L-artiklu jispjega li dawn huma l-elite tar-Russja, li issa għandhom ukoll passaport Malti u dak Ewropew.

Is-sit jikkonferma wkoll – kuntrarjament għal dak li jiprova jimplika Muscat – li din l-iskema tintuża biss f’Malta, u fl-ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, anke s-sit Brittaniku The Times jirreferi għall-fatt li l-akbar numru ta’ passaporti Maltin inxtraw minn Russi. Filfatt, skont l-aġenzija Russa RBK, aktar minn 700 Russu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija fl-2016.

Din il-ġimgħa stess, l-ġurnalist John Sweeney, waqt il-programm Newsnight fuq l-istazzjon Brittaniku BBC, staqsa lil Joseph Muscat għalfejn ġimgħa wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, mar ibiegħ iċ-ċittadinanza Maltija fid-Dubaj. Muscat, iżda, qal li ma kienx jiftakar.

Mistoqsijiet u suspetti kbar dwar il-proċess użat fix-xiri taċ-ċittadinanza Maltija minn biljunarji barranin