L-eks Kap tal-UKIP, Nigel Farage, qal li hu qrib li jappoġġja tieni referendum fir-Renju Unit dwar l-Unjoni Ewropea. Hu qal li dan, x’aktarx, hu l-aħjar mod kif wieħed ‘itemm id-diskors żejjed tal-attivisti ta’ kontra l-Brexit’.
Meta tkellem waqt programm fuq Channel 5 tal-BBC, Farage qal li ‘vot ieħor għandu jagħlaq ħalq l-attivisti li jridu li r-Renju Unit ikompli fl-UE għal imqar għaxar snin oħra’. Farage kien fost il-personalitajiet involuti fil-kampanja ‘Leave’ li rebħet ir-referendum tal-2016 b’51.9 fil-mija tal-voti.
Hu jemmen li l-ammont tal-Britanniċi li jridu jtemmu l-isħubija fl-Unjoni (u li jistgħu jivvutaw f’referendum ġdid potenzjali) għandu jkun ferm akbar milli kien fl-ewwel referendum li ssarraf f’suċċess għall-attivisti tal-‘Le’.
L-attivisti favur l-UE fir-Renju Unit, sadanittant, laqgħu tajjeb il-kummenti ta’ Farage fejn qalu li ‘qed jikber l-appoġġ għal referendum ieħor dwar is-sħubija ta’ pajjiżhom ( fl-Unjoni)’.
Madankollu, l-eks kollegi ta’ Farage mal-UKIP warrbu għas-suġġeriment tiegħu rigward tieni referendum.
Fl-istess ħin, kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) sostnew li ‘mhux se jsir tieni referendum dwar il-Brexit’.
//= $special ?>

