Il-gowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon mhux se jilħaq ir-rekord tal-eksplejer leġġendarju ta’ Milan Paolo Maldini, dak tal-aktar plejer li qatt lagħab fis-Serie A. B’kollox Maldini lagħab 647 darba filwaqt li Buffon 629 partita, 18 inqas minn Maldini.
Buffon mistenni jirtira fi tmiem l-istaġun, anke jekk żvela li jekk Juventus jirbħu ċ-Champions League dan jilgħab staġun ieħor.
Għal tmiem il-kampjonat fadal proprju 18-il logħba u l-kowċ ta’ Juventus Max Allegri żvela li Buffon se jkun indisponibbli għal logħba ta’ nhar it-Tnejn 22 ta’ Jannar kontra Genoa.
Buffon ilu barra minħabba injury għal dawn l-aħħar ġimgħat. Hu lagħab l-aħħar fir-rebħa ta’ Juventus barra minn darhom kontra Napoli fi Stadio San Paolo fl-1 ta’ Diċembru li għadda.
Postu bejn il-lasti ta’ Juventus ħadu Wojciech Szczesny, gowlkiper nazzjonali tal-Polonja li s’issa kellu wirjiet ferm pożittivi.
Ta’ min jinnota li filwaqt li Buffon mhux se jkun jista’ jikser ir-rekord ta’ Maldini dan xorta waħda jista’ jikser rekord ieħor jekk Juventus jirbħu l-kampjonat. Hu jsir l-aktar plejer li qatt rebaħ kampjonati Taljani, total ta’ 10.
Sa issa hu rebaħ disgħa daqs Virginio Rosetta, Giovanni Ferrari u Beppe Furino. Ta’ min jiftakar li Buffon propjament rebaħ il-kampjonat Taljan 11-il darba imma żewġ titli ġew revokati wara li feġġ l-iskandlu ‘Calciopoli.
Rekord ieħor li Buffon ġie mċaħħad minnu Buffon dan l-aħħar hu dak tal-aktar plejer li qatt lagħab f’edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Sa issa Buffon kien preżenti ħames darbiet fit-Tazza tad-Dinja u li kieku l-Italja ikkwalifikat għat-Tazza tad-Dinja kien jilgħab fit-Tazza tad-Dinja għas-sitt darba fil-karriera tiegħu, xi ħaġa li ħadd qatt ma għamel.
Bħal Buffon, il-gowlkiper Antonio Carbajal u l-attakkant Lothar Matthäus ukoll ħadu sehem f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u lagħbu tal-anqas minuta f’kull edizzjoni filwaqt li ta min jinnota li minkejja li kien parti mill-iskwadra Taljana fl-1998 Buffon ma kienx lagħab f’dik l-edizzjoni li saret fi Franza.
//= $special ?>