Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, 13 u 14 ta’ Jannar, fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, il-kumpanija Talenti se ttella’ l-produzzjoni IL-MIXJA TA’ MALTA, monologu rakkuntat mill-attur veteran Mario Micallef, espert tal-monologi teatrali f’pajjiżna. L-iskript, adattat minn Alfred Palma, hu mfassal minn tagħrif storiku tal-Prof. Henry Frendo. Jinkludi wkoll poeżiji tal-Professur Oliver Friggieri. Ir-rakkont ikun animat ukoll b’filmati u ritratti oriġinali marbutin ma’ avvenimenti storiċi li sawru l-istorja ta’ pajjiżna. Ikun hemm ukoll kant u mużika minn Vince Fabri u Diane Micallef.
Biex insiru nafu aktar dwar din il-produzzjoni, iltqajna ma’ Mario Micallef u staqsejnieh xi mistoqsijiet dwar dan ix-xogħol li għandu jinteressa lil kull min iħobb l-istorja ta’ Malta.
Mario, kif nibtet din l-idea li naraw narrattiva dwar il-Mixja ta’ Malta? Kif issawwar il-ħsieb u ttrasforma b’mod li jista’ jiġi animat?
Kien ħabib tiegħi li ssuġġerieli dan il-proġett. Xogħol li mhux normali naraw spiss bħalu fit-teatri tagħna. Jien dejjem nipprova li x-xogħlijiet tiegħi jkunu kemm jista’ jkun varjati minn staġun għal ieħor.
Iva, din id-darba mhux se nittrattaw xi storja teatrali li aħna mdorrijin naraw fit-teatri tagħna. Din id-darba se nittrattaw propju l-Mixja ta’ Malta minn 53 sena ilu ’l hawn. U se naraw episodji li Malta tul dawn is-snin għaddiet minnhom. Żminijiet sbieħ, u oħrajn anqas sbieħ.
Bħala artist li ħdimt diversi monologi, dan ix-xogħol tarah differenti mill-oħrajn? Il-fatt li se tkun narratur, se tkun ukoll qed tanima b’aspett drammatiku?
Iva, dan xogħol differenti mill-monologi li nagħmel is-soltu, fejn qed ninterpreta xi karattru partikulari u nipprova nersaq kemm jista’ jkun viċin tiegħu. Din id-darba, għalkemm se nkun narratur, xorta se nkun qed nanima dak li nkun qed ngħid. Nemmen li b’dan il-mod l-udjenza aktar tassoċja ruħha miegħek dwar dak li tkun qed tara u tisma’.
Ix-xogħol jismu ‘Il-Mixja ta’ Malta’. Minn meta se tkun trattata l-istorja ta’ pajjiżna? U sa meta?
Iv, kif għedt qabel, aħna se nittrattaw x’ġara u minn xiex għaddiet Malta f’dawn l-aħħar 53 sena. Naraw proprju kif żvolġiet l-istorja ta’ pajjiżna minn meta Malta ħadet l-Indipendenza tagħha u wara l-Ħelsien u d-dħul fl-Unjoni Ewropea. Naturalment se naraw episodji li seħħew f’dan il-perjodu ta’ żmien. Se naraw kif konna trattati minn diversi pajjiżi u potenzi li kienu jaħkmuna. Se naraw minn xiex għaddew missirijietna u ommijietna u kemm batew biex aħna akkwistajna dak li għandna llum.
X’tip ta’ mużika u x’tip ta’ poeżiji se jkunu inklużi f’dan ix-xogħol?
La ddeċidejt li nippreżenta dan ix-xogħol, allura ridt nara li dan ikun interessanti kemm jista’ jkun għall-udjenza li se tattendi għalih. Għalkemm dan ix-xogħol fih ħafna narrazzjoni, irrid li lill-udjenza ndaħħluha kemm jista’ jkun fl-atmosfera tal-episodji li jkunu qed isegwu. Allura, daħħalna mużika adattata ta’ Charles Camilleri, poeżiji tal-Prof. Oliver Friggieri adattati mal-episodji li jkunu qed jissemmew, u kant u mużika live minn Vince Fabri u Diane Micallef.
Is-sorsi kif inbena l-iskript huma tal-Professur Henry Frendo u Alfred Palma addatta l-iskript. Biex dan ix-xogħol ikun aktar interessanti, jien daħħalt diversi filmati oriġinali u ritratti storiċi ta’ dawk iż-żminijiet ħalli l-udjenza waqt li tkun qed tisma’ n-narrazzjoni, tkun tista’ ssegwi wkoll dawn il-filmati u r-ritratti.
X’tip ta’ udjenza tixtieq? U x’se jistenna l-pubbliku li se jattendi?
Għalkemm dan ix-xogħol hu maħsub għal kulħadd, għal kull min iħobb l-istorja ta’ pajjiżna, nemmen li għandu jqanqal interess ukoll fost iż-żgħażagħ li ma jiftakrux dawn iż-żminijiet, jew għax kienu għadhom ma tweldux, jew għax kienu żgħar wisq u ma jiftakrux ċerti episodji. Nemmen għal persuni ta’ ċerta età li jiftakru dawn l-episodji, xorta bil-mod kif se nittrattaw dan ix-xogħol se jkun interessanti wkoll għalihom.
‘Il-Mixja ta’ Malta’ se ssir fit-Teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, is-Sibt u l-Ħadd, 13 u 14 ta’ Jannar 2018, fit-8pm. Biljetti jistgħu jinkisbu mill-Box Office ta’ Spazju Kreattiv, jew www.kreattivita.org. Din il-produzzjoni tifforma parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv.
//= $special ?>