Lokali

Il-Prim Ministru b’pariri biex jibda jaħseb għal taqlib fil-Kabinett

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Inkwetat dwar il-Kabinett kbir li għamel u issa jrid li jiddawwar b'tim ta' nies iżjed effettivi, b'uċuh ġodda leali filwaqt li se jkomplu jitwarrbu membri li ma humiex għall-altezza

Il-Kitchen Cabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat li hu magħmul minn ftit persuni tassew tal-fiduċja tiegħu anki għaliex huma verament qrib tiegħu u afdati minnu, qed iħeġġeġ lill-Prim Ministru biex invista tat-tluq tiegħu mill-politika Maltija fi żmien mhux daqstant ‘il bogħod, allura jagħmel tibdil drastiku fil-Kabinett tal-Ministri.

Dan it-tibdil fil-Kabinett tal-Ministri għandu l-iskop li jolqot direttament numru ta’ miri. Fost l-aktar importanti tiġdid f’Kabinett tal-Ministri fejn mhux kulħadd qed ikun għall-altezza tat-tmexxija tad-dekasteru tiegħu. Hemm membri li għaliex ma jonqoshom xejn allura tilfu kull ħeġġa milli jixprunaw dehra ta’ Gvern frisk; hemm membri li fil-veru sens tal-kelma jinsabu – skont huma – fiż-żarbun il-ħażin; u hemm membri li hemm qbil dwarhom li llum għadda żmienhom fil-politika.

Skop ieħor hu biex il-Gvern, fl-elezzjonijiet għall-għażla tal-Membri Parlamentari Ewropej u tal-Kunsilli Lokali – elezzjonijiet previsti għas-sena d-dieħla jiġifieri ftit tax-xhur biss ‘il bogħod – ikollu makna qawwija ta’ Kabinett b’saħħtu li jwassal għal kisbiet importanti għall-Partit Laburista proprju f’dawk l-elezzjonijiet.  Hu sigriet magħruf li Joseph Muscat akkosta ta’ kollox ma jridx li jitlef mill-maġġoranza tal-elettorat li għandu fuq il-Partit Nazzjonalista u għalhekk irid jagħmel minn kollox biex iżomm u possibbilment iżid dik il-maġġoranza u fost il-mezzi hemm proprju dak li jkun imdawwar b’Kabinett ta’ Ministri aktar ħawtiela, bieżla u b’xamma politika.

Sorsi li proprju f’dawn l-ewwel jiem ta’ din is-sena l-ġdida tkellmu fit-tul mal-media tagħna, fissrulna li hemm numru ta’ fatti li se jkunu qed jiġru fix-xhur li ġejjin.

Il-Gvern irid jagħmel l-akbar kapital mill-avvenimenti ‘Valletta 18’

Hemm l-avvenimenti tal-Valletta 18 li l-Gvern, akkost ta’ kollox, irid li jirkeb fuqhom u jieħu l-vantaġġi massimi kollha possibbli li jista’. Matul dawn il-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jorganizza għadd kbir ta’ attivitajiet fil-Belt u ‘l barra mill-Kapitali u l-Gvern Laburista se jkun qed juża dawk l-avvenimenti u dawk il-fondi biex jagħmel l-akbar gwadann possibbli minnhom għal skop partiġjan favur tiegħu.

Naturalment dawk l-attivitajiet, li se jissoktaw sa kmieni s-sena d-dieħla, għandhom iwasslu lill-Gvern u lill-Partit Laburista, biex jissoktaw jirbkbu fuq dawn l-avvenimenti darba tkun startjat ukoll il-makna tal-kampanja elettorali bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet għall-għażla tal-Membri Parlamentari għall-Parlament Ewropew u l-għażla tal-Kunsilli Lokali.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat irid li jmur għal dawk l-elezzjonijiet b’saħħa kbira ħafna biex wara rebħa li qed jantiċipa li jagħmel, Joseph Muscat ikun jista’ jirriżenja b’rasu mgħollija mill-kariga ta’ Prim Ministru.

Joseph Muscat b’mod ripetut ħafna qiegħed ikompli jwassal messaġġ qawwi li żmienu fil-politika Maltija qed jersaq lejn it-tmiem tiegħu u qed iwassal messaġġ ċar ukoll li postu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista riesaq lejn it-tmiem. Dan kollu bl-iskop li hu jkun jista’ jgħaddi x-xettru ta’ Prim Ministru u ta’ Mexxej tal-Partit Laburista meta l-Partit għadu b’saħħtu.

Invista tal-preparamenti li jridu jsiru għal dan it-tluq bl-unuri, hemm il-pariri tal-Kitchen Cabinett li qed iħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jagħme l reshuffle fil-Kabinett tal-Ministri b’numru ta’ skopijiet. Fost quddiemnett hemm dak li fil-Kabinett tal-Ministri l-ġdid jinħatru numru ta’ ‘super-ministers’.

Ian Borg għandu aspirazzjonijiet kbar… imm dawn kemm jikkumplimentaw dawk li għandha t-Tmexxija ta’ Kastilja

Sa issa wieħed jista’ jgħid li fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat hemm ‘super-minister’ wieħed… Ian Borg li hu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Taħtu direttament għandu l-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Tajjeb li jingħad li Ian Borg hu wieħed mill-Ministri li qed jaspiraw li fil-mument opportun u ideali jagħmel fil-beraħ l-intenzjonijiet tiegħu li jikkontest għall-kariga ta’ Kap tal-Partit u eventwalment għall-kariga ta’ Prim Ministru minflok Joseph Muscat.

Dawk qrib il-Prim Ministru u li ma humiex fuq in-naħa ta’ Ian Borg, qed jargumentaw li biex jitnaqqsu ċ-ċansijiet lil Ian Borg f’din it-tellieqa hemm bżonn li fil-Kabinett ikun hemm aktar ‘super-ministers’, biex huma wkoll ikollhom l-istess vantaġġi li qed igawdi bħalissa Ian Borg.

Qed jissemmew ukoll uċuħ ġodda għall-Kabinett il-ġdid li qed jinħema f’Kastilja, u fost l-ismijiet hemm dak ta’ Robert Abela li diġà hu maħtur bħala wieħed mill-Konsulenti Legali tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Hemm min persistentement jemmen li l-Avukat Robert Abela kapaċi jagħmel biċċa xogħol ferm aħjar mit-Tabib Michael Farrugia bħala Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Hu fatt magħruf li Michael Farrugia mhux qed jagħmel xogħol ta’ kwalità fejn  jidħlu d-diversi oqsma tad-dekasteru tiegħu: fil-Pulizija qed jirriżulta kuljum problemi kbar ħafna; fl-Armata kollox miexi għal riħu; fil-Ħabs hemm diżastru orkestrat…

Ma hux biss l-istess Ministru Michael Farrugia – li inċidentalment għadu kemm beda s-sena bil-banda u l-jazz meta għaffiġha bil-kbir fil-każ tal-allegat vjolenza domestika fil-konfront tal-eks Assistent Kummussarju Mario Tonna – li jammetti li l-Intern ma hux il-forte tiegħu. Huma wkoll sħabu li josservaw differenzi kbar bejn it-tmexxija llum u t-tmexxija taħt Ministri oħrajn… ebda paragun.

Sadattant fl-isfera kollha jfeġġu wkoll l-ismijiet ta’ Edward Zammit Lewis u Manuel Mallia. Tal-ewwel qed jinsisti bl-aktar mod diskret u minn taħt li hu għandu jkun wiċċ ta’ ritorn fil-Kabinett il-ġdid u wara dak kollu li għamel fl-Air Malta fis-snin li għaddew ma ħaqqux li jibqa’ fuq l-ixkaffa.

Edward Zammit Lewis ma jaċċettax li għadu l-art u għadu ma għamiliex fil-Kabinett il-ġdid ta’ Muscat

Dawk viċin Edward Zammit Lewis jistqarru fil-miftuħ li dan hu qrib sew tal-Prim Ministru Joseph Muscat u bejniethom kien hemm ħbiberija kbira ħafna li tmur lura sal-bankijiet tal-iskola. Invista ta’ dan kollu isem Edward Zammit Lewis ma hux għal kollox imwarrab mil-line up il-ġdid tal-Kabinett il-ġdid li qed ikun formulat bħalissa.

Naturalment jekk jiddaħħal Edward Zammit Lewis, ikollu jiddaħħal ukoll l-eks Ministru Manuel Mallia għaliex, qed jargumentaw in-nies tiegħu, x’għandu inqas dan minn ta’ qablu?

Il-kobba diġà mħabba f’Kastilja u fil-Partit Laburista jidher li qed tieħu forma ta’ stampa mċajpra li ftit ftit trid tkompli tiċċara ruħha… iżda esponenti f’Kastilja qed jenfasizzaw liż-żmien issa dieħel sew u l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jagħmel it-tibdil li għandu jsir fi żmien mhux daqstant ‘il bogħod biex l-effetti jilħqu jibdew jinħassu.