Is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, wissa li riżultat potenzjali ta’ ‘Hard Brexit’ – fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim sodisfaċenti – ‘kapaċi jissarraf f’telf ta’ żvilupp għall-Britanniċi għal għaxar snin sħaħ’.
Sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit ikun spiċċa minn membru tal-UE u fejn (anki) ikun telaq mill-unjoni doganali u s-suq ħieles (tal-istess Unjoni) kapaċi ttellef nofs miljun impjiegi lill-pajjiż. Dan waqt li r-Renju Unit isofri wkoll daqqa ekwivalenti għal 50 biljun Sterlina f’investiment mitluf, sal-2030.
Sadiq Khan qal li dawn l-indikazzjonijiet ġejjin minn riċerka li hu stess kien talab mingħand l-analisti ta’ Cambridge Econometrics.
Fl-istess ħin, hu talab lill-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May biex jibdel l-istrateġija tiegħu waqt it-taħditiet ma’ Brussell. Khan, b’hekk, qed jinsisti li ‘jaqbel ħafna li l-Gvern Britanniku jinnegozja ftehim li, permezz tiegħu, ir-Renju Unit jibqa’ imsieħeb fis-suq ħieles kif ukoll fl-unjoni doganali tal-UE’.
Fl-istess ħin, Sadiq Khan qal li ma setax jifhem kif il-Gvern ta’ Londra naqas milli jagħmel impact assessments xierqa dwar x’għandu jfisser il-Brexit għall-ekonomija. Hu kkundanna n-nuqqas ta’ preparamenti bħala ‘irresponsabbli’ meta, skont hu, hemm indikazzjonijiet li ‘il-politika tal-partiti qed titpoġġa qabel l-interess nazzjonali’.
//= $special ?>

