Il-Pulizija Tuneżina kienet involuta fi spinta ta’ arresti matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, meta folol ta’ nies fit-toroq sfugaw ir-rabja tagħhom għall-miżuri tal-awsterità li qed jinsisti bihom il-Gvern tal-Prim Ministru Youssef Chahed.
L-aħħar arresti kienu kalkulati ‘bil-mijiet’, bil-pulizija jużaw il-gass tad-dmugħ kontra l-folol li kienu qed jipprotestaw kontra ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi.
Intant, elementi tal-Armata tat-Tuneżija spiċċaw stazzjonati fl-ibliet madwar it-Tuneżija bil-għan li jipproteġu lill-bini tal-Gvern li spiċċaw mira tal-folol. Dan waqt li l-Prim Ministru Chahed ikkundanna ‘l-atti tal-vandaliżmu’ mid-dimostranti waqt li akkuża lill-istess dimostranti ‘b’li qegħdin jippruvaw idgħajjfu lill-Istat’.
Fl-aħħar jiem, il-protesti saru f’tal-anqas 10 zoni differenti, inkluża l-kapitali, Tunis. L-inċidenti li nqalgħu bejn l-Erbgħa u l-Ħamis kienu parti minn ‘tielet lejl ta’ vjolenza konsekuttiva’, b’aktar minn 600 jispiċċaw arrestati mill-bidu tal-ġimgħa ’l hawn.
Il-Gvern akkuża lid-dimostranti b’li taw in-nar lill-karozzi tal-pulizija u li attakkaw lill-uffiċjali. Kien hemm ukoll każi fejn gruppi ta’ nies ippruvaw jaħtfu l-kontroll ta’ xi stabbilimenti kummerċjali, bi gruppi oħrajn jimblukkaw it-toroq.
//= $special ?>

