Mijiet ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi qed ifittxu qalb it-tifrik u l-kaos tul medda ta’ art fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja, wara li valangi tat-tajn ħallew tal-anqas 17 mejtin. Sadattant, kienu rappurtati għexieren ta’ midruba f’Santa Barbara County, wara ħalbiet tax-xita kontinwi li ħallew ħerba sħiħa tul zona li proprju x-xahar li għadda kienet iddominata min-nirien qalb l-aħrax.
Skont l-aħħar kalkoli nqerdu ’il fuq minn 100 residenza fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja, bi 300 oħra jġarrbu l-ħsarat. Il-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi rrakkuntaw dwar każi fejn in-nies ‘ittellgħu qishom pupi’ minn taħt it-tajn, bil-komunità ta’ Montecito ġġarrab l-agħar effetti, fost ix-xita li kaxkret numru ta’ djar.
L-aħħar rapporti qalu li tal-anqas 20 persuna kienu għadhom nieqsa, biċ-ċifra tal-mejtin tiżdied għal sbatax wara s-sejba ta’ xi katavri ġodda. Fl-aħħar sigħat kienu salvati ’il fuq minn 50 persuna iżda ħafna zoni ta’ Kalifornja għadhom inaċċessibbli minħabba t-tajn.
Dan meta numru ta’ toroq prinċipali – fosthom Freeway 101 – baqgħu magħluqin, bl-awtoritajiet mhumiex jistennew li dawn jerġgħu jkunu aċċessibbli qabel il-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.
L-awtoritajiet f’Kalifornja, intant, qed jistennew li ċ-ċifra tal-mejtin titla, meta kienu għadhom involuti sew fl-attivitajiet ta’ search and rescue. Fl-istess ħin, il-kelliema għal Santa Barbara County kienu wkoll fiduċjużi li jsibu aktar nies ħajjin fost it-tfittxija għalkemm ma kienu jafu xejn dwar ‘il-lokalitajiet probabbli tan-nieqsa’.
In-neighbourhood ta’ Montecito hu magħruf għar-residenzi ta’ personalitajiet famużi, li jinkludu artisti ta’ Hollywood u preżentaturi ta’ chat shows. Intant, numru ta’ residenti rritornaw lejn djarhom biex jaraw x’setgħu jsalvaw mill-fdalijiet ta’ wħud.
Eluf ta’ residenti, fl-aħħar sigħat, kellhom jabbandunaw djarhom għat-tieni darba f’xahrejn, bis-servizzi tal-emerġenza jiddikjaraw zona ta’ esklużjoni li tipprojbixxi l-movimenti tan-nies. Il-gliegel tat-tajn li avvanzaw mill-inħawi ta’ Montecito litteralment kaxkru xi djar mill-fondazzjoni, bl-awtoritajiet jirkupraw diversi katavri mill-inħawi.
Dan meta l-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti qed tappoġġja l-ħidma tas-search and rescue, bil-pubbliku jkun imwissi biex ma jtajjarx id-drones fuq iz-zoni tal-emerġenza ħalli ma jtellfux l-impenn tal-iskwadri.
//= $special ?>

