Il-President Amerikan, Donald Trump, qal li ‘mhux probabbli’ li jkollu jwieġeb għad-domandi ta’ Robert Mueller, li hu l-uffiċjal ewlieni li qed jinvestiga r-rabtiet potenzjali bejn il-kampanja presidenzjali ta’ Trump u r-Russja.
Trump qed jinsisti li ma kien hemm ‘l-ebda ftehim u manuvri minn taħt ( mar-Russi)’ u li hu, issa, ‘lest biex jara x’għandu jseħħ ‘il quddiem’. Dan wara li l-President kien sostna, fis-sajf li għadda, li ‘kien lest, mija-fil-mija, biex iwieġeb għad-domandi relatati mal-allegazzjonjiet, taħt il-ġurament’.
Donald Trump ilu żmien jiċħad li l-attivisti li mexxewlu l-kampanja elettorali ( qabel kien ikkonfermat bħala President) kienu ħadmu id f’id mar-Russja biex itellfu lill-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton. Intant, Hillary, f’Novembru tal-2016, kienet sfat megħluba minn Trump fit-tellieqa għall-White House, bi Trump, issa, qed jgħid li ‘l-akkużi dwar il-ħidma minn taħt mar-Russi huma parti minn kaċċa vendikattiva’.
Rapporti aktar qabel qalu li l-avukati ta’ Trump kienu għaddejjin bit-taħditiet mal-elementi involuti fl-investigazzjoni li qed imexxi Mueller, bil-għan li jiffissaw data għal ‘intervista mal-President’.
L-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti jemmnu li r-Russja pruvat tikkundizzjona l-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana favur Trump. Intant, Mueller, bħala investigatur speċjali, qed jinvestiga jekk xi persuna involuta fil-kampanja ta’ Trump ‘ikkollaboratx ma’ Moska’ fl-iżviluppi ta’ qabel l-elezzjoni — bil-President Trump u r-Russja qegħdin jiċħdu kategorikament dwar l-allegazzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, Mueller qed jindaga dwar l-allegati sforzi tal-Gvern Russu biex jindaħal fl-elezzjoni tal-Istati Uniti, kif ukoll dwar ‘kwalunkwe rabtiet jew koordinament’ bejn Moska u individwi bil-konnessjonijiet mal-kampanja ta’ Donald Trump.
Il-ħidma ta’ Mueller qed tikkonċentra anki fuq kwalunkwe kwistjonijiet dovuti għall-investigazzjoni ‘jew li għad jistgħu jfeġġu direttament’ minnha.
//= $special ?>

