Lokali

Victor Scerri illiberat minn kull akkuża dwar il-każ tal-Baħrija

Illum l-ex President tal-Partit Nazzjonalista Victor Scerri ġie illiberat minn kull akkuża hekk kif l-Imħallef Joseph Zammit McKeon sostna li ma kkommetta l-ebda illegalità fil-Baħrija. Dan wara l-allegazzjonijiet li għamlu l-NGO Ramblers Association.

Il-każ ingħata bidu disa’ snin ilu, liema każ wassal għar-reżenja ta’ Scerri minn President bil-għan li jiddefendi l-każ bħala ċittadin, fejn qamet kontroversja sħiħa dwar permess mgħoti lill-mara tiegħu, għar-rijabilitazzjoni ta’ farmhouse abbandunata fil-Baħrija.

Il-permess li ngħata mill-Awtorità tal-Ippjanar qajjem ċertu mistoqsijiet hekk kif l-iżvilupp kien jinsab f’zona ekoloġika.

F’Marzu tal-2010 l-Assoċjazzjoni resqet il-Qorti lill-Awtorità tal-Ippjanar, Victor Scerri u l-mara tiegħu fejn talbu sabiex il-Qorti jiddikkjara li x-xogħolijiet kienu kollha kemm huma llegali kif ukoll jiġi ordnat sabiex is-sit jerġa’ jsir kif kien.

L-argument tagħhom kien kollu bbażat fuq permess li kien laħaq skada madanakollu fl-2004 kien inħareġ permess ieħor li l-Qorti sostniet li kien wieħed indipendenti u awtonomu. Għaldaqstant l-Imħallef spjega li għalkemm il-permess oriġinali kien laħaq skadi, ma kellu l-ebda effett fuq it-tieni wieħed. Il-qorti qalet ukoll li l-NGO falliet milli tipprovdi evidenza biżżejjed sabiex tissustanza l-allegazzjonijiet tagħha.