Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa fost MEPs li talbu l-Kummissjoni tiproteġi l-ġurnalisti indipendenti

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament l-Ewropew David Casa, l-MEP tas-Soċjalisti Ana Gomes, l-MEP tal-Konservattivi Monica Macovei, l-MEP Liberali Maite Pagazaurtundua, l-MEP tax-Xellug Stelios Kolouglou u l-MEP tal-Ħodor Javor Benedek ingħaqdu flimkien biex jinsistu li titfassal liġi Ewropea li tindirizza u telimina darba għal dejjem dik li magħrufa bħala SLAPP – kawżi li jsiru biss biex jintimidaw ġurnalisti investigattivi u media indipendendenti, bi spejjeż legali eżorbitanti sakemm jirtiraw l-istejjer li jkunu qed jaħdmu fuqhom. Skont l-MEPs, din il-prattika hi waħda abbużiva, u li hi ta’ theddida għall-indipendenza tal-media, u għalhekk mhix postha fl-Unjoni Ewropea.

SLAPP intużat, per eżempju, kontra l-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, u issa qed tintuża kontra ġurnalisti Maltin minn kumpaniji assoċjati mal-korruzzjoni tal-Gvern u l-iskandlu tal-Panama Papers, li qed jheddu b’azzjoni legali fl-Istati Uniti.

Fi stqarrija, l-MEPs David Casa, Ana Gomes, Monica Macovei, Maite Pagazaurtundua, Stelios Kouloglou u Benedek Javor qalu: “F’Malta rajna kumpaniji bħal Pilatus Bank u Henley & Partners li użaw dawn il-prattiċi, permezz ta’ liġijiet Amerikani. U b’hekk ħadu dak li riedu: jiġifieri li kellhom stejjer mibdula jew saħansitra mneħħija mill-arkivji. Fid-dawl ta’ din il-biża, ġurnalisti investigattivi qed jinżammu milli jirrappurtaw aktar prattiċi korrotti. Iżda din mhix biss problema f’Malta. Fir-Renju Unit, Appleby, il-kumpanija assoċjata mal-Paradise Papers, qed tuża tattiċi simili kontra The Guardian u l-BBC.”

L-MEPs qed isejħu lill-Kummissarju Ewropew Frans Timmermans biex jiproponi Direttiva Ewropea kontra SLAPP, li tinkludi:
– l-faċilità li ġurnalisti investigattivi u media indipendenti jitolbu li kawżi fl-Unjoni Ewropea jitwaqqaw u jingħata kumpens;
– t-twaqqif ta’ pieni ħorox kontra kumpaniji li jużaw dawn il-prattiċi f’ġurisdizzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea;
– t-twaqqif ta’ fond SLAPP li jappoġġja ġurnalisti investigattivi u media indipendenti li jgħażlu li jirreżistu t-theddid;
– t-twaqqif ta’ reġistru Ewropew li jsemmi l-kumpaniji li jużaw dawn il-prattiċi abbużivi.

L-MEPs qalu li huma kommessi li jiproteġu l-ġurnalisti investigattivi u l-media indipendenti madwar l-Ewropea, u jkomplu jinsistu biex din il-liġi tidħol fis-seħħ.

Thomas Gibson, mill-Kumitat ta’ Protezzjoni lill-Ġurnalisti qal: “SLAPP hi theddida serja għall-ġurnaliżmu u l-media indipendenti. Dawn is-somom ta’ flus li qed jintalbu ma jagħmlux sens. Ġurnalisti indipendenti f’Malta diġà qed jaffaċċjaw sfidi kbar u restrizzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea – anke fil-ġlieda tagħha għall-ġustizzja għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – għandha tindirizza l-klima li ġurnalisti indipendenti qed jaħdmu fiha.”

Jodie Ginsberg, Kap Eżekuttiv ta’ Index on Censorship, qalet: “Biex ikollok demokrazija, jrid ikollok media li tkun libera li tinvestiga l-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter, u tkun libera wkoll li tippublika r-riżultat ta’ dawk l-investigazzjonijiet. Dawn il-kawżi mmirati biex iwaqqfu x-xogħol tal-ġurnalisti, għandhom jitwaqqfu.”