Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid għaliex għadu ma ħax il-passi dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jipproteġi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem fl-ewwel okkażjoni wara li kien pubblikat ir-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet f’Malta tinvestiga s-saltna tad-dritt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-preokkupazzjoni tiegħu hi l-ħsara li qed issir lil Malta minħabba li l-Prim Ministru ma ħax azzjoni dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Fir-rapport, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt ikkonkludiet li kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi għandhom jitneħħew mill-karigi tagħhom u jinfetħu investigazzjonijiet, kif ukoll li għandu jinbidel il-mod kif jintgħażlu l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Adrian Delia sostna li r-rapport jikkonferma dak li kienet qed tgħid l-oppożizzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista zied jghid li bhalissa kulħadd qed iħares lejn Malta u għaldaqstant għandna nuru li aħna pajjiż serju.
Adrian Delia spjega li rrapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Malta huwa wieħed dettaljat u qed ikompli jiġi studjat bir-reqqa mill-oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru għandu jagħmel dak li huwa sewwa – PN
L-ikbar preokkupazzjoni dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew fuq Malta hija li l-Gvern qiegħed jinduna li qed issir ħsara lil pajjiżna u xorta jibqa’ jippersisti fil-modi tiegħu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kummenti lill-ġurnalisti dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA u l-Kumitat LIBE.
Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi li għandu jieħu sabiex, bil-fatti, jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li saħansitra qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet Joseph Muscat kien wasal għall-istess konklużjoni ta’ dan ir-rapport dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, iżda dakinhar kien skużahom billi qal li għandu bżonnhom għal xi proġetti partikolari.
Adrian Delia qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija responsabbiltà ta’ kulħadd u tenna r-rieda tal-Oppożizzjoni li tingħaqad mal-Gvern u l-istituzzjonijiet kompetenti sabiex pajjiżna juri lid-dinja li lest u jrid jagħmel dak li huwa korrett.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex il-Prim Ministru qiegħed jagħżel li jipproteġi lill-Minstru u ċ-Chief of Staff tiegħu minflok lil Malta. Huwa qal li dan ir-rapport jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jistieden lill-Gvern biex jagħmel dak li jixraq lil pajjiżna u li l-Oppożizzjoni trid taħdem b’rieda tajba għall-ġid ta’ isem pajjiżna.
//= $special ?>