Lokali

“Ħtieġa li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia” – L-MEP Francis Zammit Dimech f’messaġġ dwar il-prijoritajiet għall-2018

"Mhux li nsiru nafu min wettaq il-qtil, imma min ordnah"

L-MEPs tal-Parlament Ewropew qed jgħidu lil Joseph Muscat bl-aktar mod ċar biex jagħmel dak li messu għamel xhur ilu: li jneħħi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri sakemm isiru l-investigazzjonijiet.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal dan b’reazzjoni għall-aħbar li r-rapport tad-delegazzjoni li ġiet tinvestiga f’Malta kkonkluda li dawn għandhom jitneħħew.

Ir-reazzjoni ta’ Zammit Dimech ġiet wara li l-MEP ippubblika filmat li fih qal li fost il-prijoritajiet għas-sena ta’ ħidma 2018 hemm li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia.

“Ma nistax ma nfakkarx mill-ġdid il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Irridu nagħmlu ġustizzja magħha anke billi nsiru nafu min ordna dak il-qtil u mhux biss inkunu nafu min huwa akkużat bit-twettieq tiegħu”, qal Francis Zammit Dimech fil-kumment tiegħu.

Zammit Dimech qal li għall-2018 hemm prijoritajiet oħra, fosthom il-ġlieda kontra t-terroriżmu biex ikollna moħħna mistrieħ meta nsiefru u nivjaġġaw. Dwar iż-żieda tal-attakki online, Francis Zammit Dimech saħaq li jeħtieġ impenn ikbar favur cybersecurity.

Tkellem anke dwar il-Brexit, li din is-sena se tikber id-diskussjoni dwarha, hekk kif qed joqrob iż-żmien biex ir-Renju Unit tħalli lill-Unjoni Ewropea.

“Żgur li s-sena 2018 tinkludi l-kontinwazzjoni tal-proċess ‘Brexit’, u se jkun hemm anke l-involviment tal-Parlament Ewropew. Irridu naraw dejjem kif il-proċess ta’ Brexit jolqot lill-poplu Malti fil-qasam tal-ekonomija, tal-kultura, tas-saħħa, tal-edukazzjoni”, żied jgħid.

L-MEP Francis Zammit Dimech, li hu membru fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew tal-Kultura u l-media, żied li jrid ikompli jsaħħaħ l-irwol tal-media.

Hu temm jappella lill-pubbliku biex jagħmel kuntatt miegħu bl-aktar mod regolari, għax l-ikbar missjoni tibqa’ dik li l-poplu Malti u Għawdxi jingħata vuċi b’saħħitha fil-Parlament Ewropew.