Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-ftit korrotti fil-Gvern ma jirrapreżentawx lill-poplu Malti u Għawdxi – Roberta Metsola

“Jekk ma jkollniex media ħielsa, ikollna biss illużjoni ta’ demokrazija proprja, u daħk fil-wiċċ ta’ kif għandha tiffunzjona s-saltna tad-dritt.” Dan qalitu l-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, fejn hi l-Koordinatur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.

Roberta Metsola kienet qed titkellem hekk kif il-Parlament Ewropew ippubblika r-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Minbarra li jsejjaħ għat-tneħħija ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u biex issir ġustizzja fil-konfront tagħhom, r-rapport jinsisti wkoll li l-pluraliżmu u l-indipendenza fil-media f’Malta huma kruċjali biex tkun garantita s-saltna tad-dritt.

Hi u tikkumenta dwar dan ir-rapport, Metsola qalet li hu ta’ dwejjaq u tal-mistħija li Joseph Muscat ġab lil Malta f’din il-pożizzjoni, filwaqt li saħqet li se tkompli tiġġieled biex turi li l-azzjonijiet tal-ftit korrotti ma jirrapreżentawx lill-poplu Malti u Għawdxi. “Se nibqgħu niġġieldu biex insaħħu s-saltna tad-dritt,” qalet Roberta Metsola.

Bħalissa, l-Parlament Ewropew qed jiddibatti rapport dwar il-pluraliżmu u l-libertà fil-media fl-Unjoni Ewropea. Roberta Metsola sostniet li t-theddid li l-membri tal-media jirċievu ta’ kuljum hu inaċċettabbli. Hi tkellmet dwar l-importanza tal-liġi Ewropea kontra SLAPP, li tiproteġi lill-media lokali mill-intimidazzjoni b’kawżi barra ‘l pajjiż li huma intiżi biss biex jintimidaw.

“Il-libertà tal-media hi kruċjali għas-soċjetajiet Ewropej. Aktar milli dritt fundamentali, irridu nassiguraw li din tkun regola bażika ta’ kif niggvernaw,” sostniet Roberta Metsola. Hi żiedet tgħid: “Huma l-ġurnalisti li jsegwu x-xogħol tal-politiċi, li jkompli jfittxu l-verità quddiem il-gideb.” Roberta Metsola sellmet il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet f’Ottubru li għadda, u enfażizzat id-determinazzjoni tagħha biex tfittex il-verità.

Il-vot fuq ir-rapport dwar il-pluraliżmu u l-indipendenza fil-media se jittieħed fix-xhur li ġejjin.

Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitneħħew u jkunu investigati – ir-rapport tad-delegazzjoni tal-PE dwar Malta