Internazzjonali

IL-ĠERMANJA: Sodisfazzjon dwar  żblokk fit-taħditiet għal koalizzjoni

 

Il-politiċi f’Berlin huma sodisfatti dwar żblokk fit-taħditiet lejn il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid ta’ koalizzjoni. Dan fost ftehim bejn il-Partit CDU tal-Kanċillier Angela Merkel u s-Soċjali Demokratiċi (SPD) ta’ Martin Schulz rigward pjan għal negozjati formali.

L-SPD kienu s-sieħba tas-CDU f’koalizzjoni preċedenti u l-politiċi f’Berlin damu l-lejl kollu tal-Ħamis  jiddiskutu d-dokument ta’ 28 paġna sakemm huma rnexxielhom jilħqu ftehim dwar diversi aspetti polemikużi li jinkludu l-immigrazzjoni.

Il-pjan jesiġi biex l-immigranti li qed jaslu l-Ġermanja biex ifittxu l-kenn politiku jkunu limitati għal xi 200,000 fis-sena. Il-pjan anki jelenka limitu ‘ta’ 1,000 fix-xahar’ għall-immigranti li jkunu permessi biex jingħaqdu ma’ qrabathom residenti fil-Ġermanja.

Angela Merkel u Martin Schulz qalu, waqt konferenza tal-aħbarijiet , li jinsabu ottimisti li huma kapaċi jiffurmaw mill-ġdid ‘koalizzjoni ewlenija’ f’Berlin. Huma tkellmu dwar ‘bidu ġdid’ għall-Ġermanja u Schulz sostna d-determinazzjoni tal-Ġermaniżi li juru s-saħħa tagħhom fuq livell Ewropew. Intant, Merkel u Schulz indikaw li se jagħtu priorità lit-tkattir ta’ alleanza aktar b’saħħitha ma’ Franza fl-Unjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, Merkel u Schulz enfasizzaw il-ħtieġa li jaċċertaw l-għaqda soċjali f’pajjiżhom, b’dan jidher bħala messaġġ speċifiku lill-votanti li huma frustrati dwar il-politika taċ-ċentru, fost it-tensjoni dwar l-influss tal-immigranti fil-Ġermanja.

Il-Partit CDU taċ-ċentru-lemin u l-partit alleat CSU (tal-Bavarja) ma rnexxilhomx jiffurmaw Gvern mill-konklużi tal-elezzjoni ġenerali f’Settembru. Dan meta kemm is-CDU u l-SPD ta’ Schulz sofrew l-agħar riżultati elettorali f’aktar minn 50 sena.

Angela Merkel, intant, ammettiet li kien hemm ‘l-ostakoli diffiċli’ waqt it-taħditiet f’Berlin, b’Schulz jirreferi għal ‘tensjoni u argumenti intensivi’ fost in-negozjati.

Għall-bidu, l-SPD kien warrab għall-possibbiltà li jiggverna mill-ġdid ‘taħt it-tmexxija ta’ Merkel’, iżda Martin Schulz bidel il-ħsieb ladarba krollaw it-taħditiet għall-koalizzjoni bejn is-CDU, id-Demokratiċi Ħielsa (FDP) u l-Ħodor. Dan, intant, kien l-aktar perjodu fit-tul għat-tfassil ta’ koalizzjoni fil-Ġermanja u meta għad fadal għall-konferma finali ta’ ftehim għall-koalizzjoni.

Filwaqt li Angela Merkel qed tidher li evitat il-prospett ta’ elezzjonijiet ġodda, hu minnu li dawn kienu biss taħditiet esplorattivi biex il-partiti jaraw jekk teżistix bażi għal negozjati formali għall-koalizzjoni. Qabel jista’ ikompli r-round li jmiss, l-SPD jeħtieġ japprova l-pass waqt kungress speċjali tal-partit li se jsir f’Bonn fil-21 ta’ Jannar.