Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport għandha tgħaqqadna flimkien sabiex nipproteġu d-dixxiplini sportivi għaż-żgħażagħ u t-tfal tagħna. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet fil-Parlament u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-kriminalità b’mod aprtikolari fil-futbol qed teqred il-logħba u lill-isportivi li jintmissu minnha.
Dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isport, u li jifhmu l-benefiċċju tiegħu għas-soċjetà m’għandhom juru l-ebda tolleranza lejn il-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-logħob. Dan huwa kankru li jeħtieġ jiġi eliminat minnufih inkella se jkun tard wisq kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Temm jgħid li d-dixxiplini sportivi huma ċentrali għall-kwalità tal-ħajja u huma ta’ formazzjoni għall-ġenerazzjonijiet żgħar. Għalhekk, qal il-Partit Nazzjonalista, irridu nuru maturità u rieda politika qawwija sabiex flimkien insaħħu l-isport u nopponu l-kriminalità organizzata li qed tifnieh.