Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-mara tiegħu Nickie Vella De Fremeaux illum żaru Dar Bjorn f’Ħal Qormi. Hemmhekk intlaqgħu minn Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ din id-dar u li hu stess hu marid b’din il-marda. Bjorn kien akkumpanjat ukoll mill-mara tiegħu Maria.
Din iż-żjara minn Adrian Delia u l-mara tiegħu, li hija l-avukat tal-Fondazzjoni ALS Malta, kienet ukoll żjara inkoraġġanti għal Bjorn li fl-aħħar jiem spjega li ż-żmien li għaddej minnu huwa wieħed diffiċli, bil-marda tkompli tħalli aktar effetti ħżiena fuqu.
Adrian Delia u l-mara tiegħu Nickie ddawru mad-dar li bħalissa qed takkomoda 13-il persuna bl-etajiet ivarjaw bejn it-30 u s-70 sena.
Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ din id-dar spjega li minkejja li d-dar fetħet ftit ġimgħat ilu, diġa għandhom lista twila ta’ nies jistennew biex jidħlu f’din id-dar u jingħataw il-kura. Tant li żvela li minhabba d-domanda kbira li qed jirċievu, hemm il-ħsieb li tibda tinbena dar ohra.Fid-dar jaħdmu 50 impjegat u l-pazjenti għandhom is-servizz ta’ professjonisti 24 siegħa kuljum.
Id-Dar toffri l-aqwa servizz għal dawn il-pazjenti b’servizz, kmamar u apparat tal-ogħla livell. B’diversi aċċessorji fil-kmamar, fosthom id-dawl, ir-radio u affarijiet oħra jkunu kkontrollati bl-għajnejn, biex b’hekk il-pazjent li jkun f’paralisi totali jkun indipendenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia matul iż-żjara qal li meta jidħol fid-Dar, l-ambjent mhux wieħed ta’ klinika jew sptar imma ambjent sabiħ li jixraqlu lil dawn il-pazjenti.
Bjorn Formosa spjega li l-ALS foundation, apparti din id-dar, tgħin ma’ l-elf pazjent ieħor b’mard newroloġiku bħala outpatients b’għajnuna ta’ apparat bħal wheelchairs u tagħmir ieħor u anki permezz ta’ servizzi.
Preżenti kien hemm ukoll Dr Reuben Cauchi li qed jieħu ħsieb l-aspett tar-riċerka fuq l-ALS fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta u spjega li qed jagħmlu sampling tad-demm fuq pazjenti tal-ALS.