“Malta saret ċentru tal-korruzzjoni.” Hija din l-akkuża serjissima li saret mill-istazzjon Taljan Rai 3, waqt programm li xxandar il-Ħamis bil-lejl – programm li fih il-ġurnalist rinomat Roberto Saviano tkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Roberto Saviano, li ilu għaxar snin jgħix bi protezzjoni 24 siegħa kuljum, minħabba li jikteb fuq il-mafja, sostna li jibża’ li l-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jispiċċa jintilef f’dik li sejjaħ bħala “l-impunità ta’ Malta.”
Din kienet it-tieni okkażjoni f’temp ta’ ġimgħa li l-Gvern ta’ Muscat spiċċa taħt sħaba sewda fil-media internazzjonali. Dan wara s-servizz estensiv li xandar il-BBC, u li fih il-Prim Ministru Malti nesa li kien mar Dubaj ibiegħ il-passaporti, ġimgħa biss wara li inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Il-ġurnalist Taljan Roberto Saviano fil-programm tal-bieraħ fakkar fl-allegazzjonjiet li għamlet Daphne Caruana Galizia, meta qalet li mart il-Prim Ministru hija l-propjetarja tal-kumpanija Egrant fil-Panama u fiha rċeviet flus mill-familja tal-President tal-Ażerbajġan.
Saviano saħaq li għalkemm il-Prim Ministru ċaħad dawn l-akkużi, huwa xorta sejjaħ elezzjoni sena qabel.
Roberto Saviano ta ħarsa lejn ix-xogħlijiet ta’ Caruana Galizia, fosthom l-istejjer dwar il-Ministru Chris Cardina li wasslu biex fetaħ diversi libelli fil-konfront tagħha utalab li jiġu ffriżati l-assi tal-ġurnalista.
Il-preżentatur tal-programm tkellem ukoll u ppubblika il-post ta’ facebook ta’ uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija, Ramon Mifsud, li ftit wara l-qtil brutali tal-ġurnalista, iċċelebra dan fuq facebook.