Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Tkompli l-isfida bejn Balzan u Valletta

Għada l-leaders tal-Kampjonat BOV Premier Balzan u l-eqreb rivali tagħhom Valletta se jkunu fl-azzjoni hekk kif dawn se jilagħbu kontra Sliema u Naxxar, żewġ timijiet li ironikament ġimgħa ilu lagħbu kontra xulxin.

Is-Slimiżi kienu umiljaw lil Naxxar fl-ewwel rawnd imma ġimgħa ilu ħadu biss punt meta ġew draw1-1 kontra Naxxar. Issa Sliema jmisshom jilagħbu kontra Balzan li qegħdin fil-quċċata b’punt aktar mill-Beltin.
Ġimgħa ilu Balzan kisbu rebħa komda imma forsi l-iskor m’huwiex daqstant indikattiv għal dak li seħħ.

Fil-fatt il-bidu kien wieħed bilanċjat fejn St. Andrew’s kellhom iċ-ċansijiet tagħhom ukoll u anki tilfu penalty li b’hekk pattew qares peress li l-leaders aktar ma’ beda jgħaddi l-ħin aktar bdew jitjiebu.
Kellhom partita tajba għalihom Alex Da Paixao Alves u Kaljevic b’dan tal-aħħar jiskorja żewġ gowls oħra biex issa jinsab gowl wieħed biss taħt Samb fil-klassifika tal-aqwa skorers.

Għas-Saints din it-telfa kienet waħda diżappuntanti wara li kienu ġejjin minn rebħa kontra Hibernians imma ta’ min jgħid li l-wirja ma’ kinetx daqstant negattiva meta tikkunsidra li tilfu lil Pen Beltre li sieħeb lil Valletta u Jackson u Azian sospiżi.

Minn naħa tagħhom Valletta komplew iżommu l-pressjoni fuq Balzan wara li rebħu b’gowl uniku kontra Senglea, gowl skurjat minn Denni lejn is-siegħa logħob.

Din kienet rebħa oħra mistħoqqa fid-debutt tal-kowċ Danilo Doncic. F’xi mumenti l-logħba żvolġiet xi ftit frustranti fejn id-difiża Sengleana ddominat fuq l-attakkanti Beltin.

Fil-fatt kienu ftit xuttijiet minn barra l-unika li kellhom x’joffru Valletta fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima minkejja li l-Beltin ma’ skurjawx minn azzjoni xorta waħda kien jimmerithom ir-rebħa.
Fit-tielet post tal-klassifika wieħed isib lil Gżira li għada jilagħbu kontra Tarxien.

Dawn iż-ewżġ timijiet bdew is-sena 2018 b’telfa. Gżira tilfu 4-0 kontra Birkirkara filwaqt li Tarxien tilfu 2-0 kontra Floriana.

Bla dubju l-aktar logħba li tispikka se tkun tal-Ħadd bejn Floriana u Hibs. Wara t-telfa kontra Birkirkara fl-aħħar logħba Floriana rritornaw għar-rebħ dan wara li għelbu lil Tarxien.

Fil-fatt ma’ kinetx rebħa faċli għall-Greens imma xorta waħda kisbu dak li riedu minkejja li ma’ kienux fl-aqwa tagħhom. Kienet logħba li ftit offriet bir-Rainbows ikomplu jiddiżappuntaw fejn kisbu rebħa waħda biss minn l-aħħar tmien logħbiet li lagħbu. Jidher li huma ser ikomplu jissieltu kontra r-relegazzjoni sa’ tmiem il-kampjonat.

Floriana komplew jinsistu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika fejn issa jinsabu fir-raba’ post u minkejja li forsi li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat hi rimota minkejja mhux impossibbli, l-objettiv ewlieni tagħhom jibqa’ dak li jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej fuq livell ta’ klabbs fejn huwa minn hemm biss li jistgħu jagħmlu dan wara li diġa sfaw eliminati mill-FA Trophy.

Hibernians bdew is-sena fuq nota negattiva hekk kif komplew jiddiżappuntaw wara li huma sfaw miżmuma fi draw minn Ħamrun Spartans.
Fil-fatt il-problemi li għandhom il-Pawlisti kienu esposti għal darba oħra f’din il-partita fejn naqsu li jsibu x-xibka għal darb’oħra.

Il-Ħadd ukoll Mosta jilagħbu kontra Birkirkara u dan se jkun konfront bejn żewġ timijiet ġejjin minn rebħa. Bla dubju li l-akbar theddai għall-Karkariżi se jkun Wendel dos Santos li fl-aħħar logħba skurja hat-trick fir-rebħa kontra Lija. Minn naħa tagħhom Birkirkara rritornaw bil-kbir dan meta b’wirja mpressjonanti huma għelbu lil Gżira bl-iskor ta’ 4-0.

Illejla l-uniku logħba se tkun dik bejn Senglea u Lija.

Il-Programm
Illum
Centenary Stadium
7.00pm Senglea A v Lija A.

Għada
Hibs Stadium
2.00pm Gżira Utd v Tarxien R.
4.00pm Sliema W v Balzan

Victor Tedesco Stadium
2.00pm Ħamrun S v St. Andrew’s
4.15pm Naxxar L v Valletta

Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali
2.00pm Mosta v Birkirkara
4.00pm Floriana v Hibernians